Home > Pastorali > Is-Sena tal-Fidi – 2012-2013.

Is-Sena tal-Fidi – 2012-2013.


Il-Papa Benedittu XVI ħabbar “Is-Sena tal-Fidi” 2012-2013

Minn-Leħen is-Sewwa, Sibt 22 ta’ Ottubru 2011

Nhar il-Ħadd, 16 ta’ Ottubru, waqt li mexxa quddiesa f’San Pietru fit-tmiem tal-Assemblea Internazzjonali organizzata mill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida, il-Papa Benedittu XVI ħabbar is-Sena tal-Fidi li se tiġi ċċelebrata mit-12 ta’ Ottubru 2012 sal-24 ta’ Novembru 2013. Huwa ħabbar ukoll li dalwaqt se jippubblika Ittra Appostolika biex jispjega l-iskop ta’ din is-sena u l-inizjattivi li se jittieħdu għall-Evanġelizzazzjoni Ġdida. Is-Sena tal-Fidi se tibda f’għeluq il-50 sena mill-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II u t-tmiem tagħha ikun fil-festa ta’ Kristu Re.

“Evanġelizzaturi ġodda għall-Evaġelizzazzjoni Ġdida: il-Kelma t’Alla tikber u tixtered.” Din kienet it-tema tal-Assemblea Internazzjonali organizzata f’Ruma mill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida nhar is-Sibt u l-Ħadd, 15 u 16 ta’ Ottubru. Għal din l-Assembea Internazzjonali attendew mat-8,000 rappreżentant minn diversi gruppi u movimenti tal-Knisja involuti fl-evanġelizzazzjoni minn madwar id-dinja.

L-istess Arċisqof Mons. Rino Fisichella, President tal-Kunsill Pontifiċju, stqarr li l-missjoni tal-Knisja dejjem kienet l-evanġelizzazzjoni, u din ilha sejra għal aktar minn 2,000 sena. Huwa insista li llum il-Knisja jeħtieġ issib lingwaġġ ġdid u stil ta’ ħajja ġdida b’evanġelizzazzjoni li jkollhom sehem profond tas-sħubija tagħhom fil-Knisja u l-komunità Nisranija li fl-istess waqt li jkunu miftuħa għal oħrajn.

Nhar is-Sibt, 15 ta’ Ottubru, filgħodu delegati ltaqgħu fis-Sala Tas-Sinodu. Fid-diskors tal-ftuħ l-Arċisqof Fisichella ħeġġeġ biex niftħu beraħ il-bibien u nerġgħu nibdew inħabbru l-qawmien ta’ Kristu. Huwa appella għal azzjoni pastorali aktar innovattiva fl-oqsma tal-kultura, tal-migrazzjoni, tal-komunikazzjoni, tal-familja, tal-liturġija, tal-politika u tal-pastorali ordinarja fil-parroċċi.

Wara tkellmu Don Julian Carron, President tal-Fraternità tal-Communione e Liberazione dwar l-evanġelizzazzjoni tal-kultura; Il-professur Adriano Roccucci tal-Comunità di S. Egidio dwar l-immigrazzjoni; il-Brażiljana Luzia de Assis Santiago dwar l-impenn nisrani fil-media, Kiko Arguello tal-Mixja Neokatekumenali dwar l-importanza tal-familja fit-trasmissjoni tal-fidi; Jean-Luc Moens tal-Communantè dell’Emmanuel dwar il-Liturġija ħajja; Salvatore Martinej tat-Tiġdid Kariżmatiku dwar l-impenn nisrani fil-ħajja pubblika u Don Pigi Perini dwar il-Pastorali fiċ-ċelluli parrokkjali ta’ evanġelizzazzjoni. Franco Miano tal-Azzjoni Kattolika Taljana
dwar l-għaqda bejn il-movimenti tal-Knisja u l-Arċisqof ta’ Washington, Donald Wuerl, dwar il-bżonn ta’ fidi qawwija fl-evanġelizzaturi.

Filgħaxija, id-delegati ltaqgħu fis-Sala Pawlu VI fejn ġew indirizzati minn Madre Veronica Berzosa, fundatur tal-Jesu Communio fi Spanja, mill-ġurnalist u kittieb Vittorio Messori li tkellem dwar il-fidi u r-raġuni, mix-xjenzjat Marco Bersanelli dwar ix-xjenza u l-fidi u mill-Isqof Kolombjan Fabio Suescun Mutis dwar l-evanġelizzazzjoni ġdida fl-Amerika Latina.

Aktar tard, id-delegati ġew indirizzati mill-Papa Benedittu XVI. Fid-diskors tiegħu, il-Papa fakkar li s-soċjetà moderna għad għandha għatx għal Alla bħalma kellha 2,000 sena ilu. Huwa qal li l-bniedem modern ta’ spiss huwa konfuż u ma jistax isib tweġibiet għal ħafna mistoqsijiet li jinkwetawh dwar it-tifsir tal-ħajja u għalhekk iħoss ruħu insodisfatt.

Il-Papa sostna li l-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida twaqqaf bl-iskop li nerġgħu nevanġelizzaw il-pajjiżi tradizzjonalment Insara li ġew effettwati mis-sekularizzazzjoni. Huwa wissa li minkejja l-indifferenza u l-persekuzzjoni, għad hawn ħafna li lesti jiftħu qalbhom u moħħhom biex jaċċettaw l-istedina ta’ Ġesù.

Wara sar kunċert minn Andrea Bocelli b’waqtiet ta’ talb u ta’ esperjenzi minn diversi delegati dwar il-ħidma missjunarja li qegħdin iwettqu fil-parroċċi tagħhom.

L-għada, il-Ħadd, 16 ta’ Ottubru, f’omelija li għamel lid-delegati waqt quddiesa f’San Pietru, qal li t-teoloġija tal-istorja hija aspett importanti u essenzjali fl-evanġelizzazzjoni ġdida. Dan għaliex in-nies ta’ żmienna, wara l-istaġun ikrah tal-imperi totalitarji tas-seklu 20, għandhom bżonn jerġgħu jagħtu ħarsa vera u paċifika fuq id-dinja kif kien għamel il-Konċilju Vatikan II u kif għamlu l-predeċessuri tiegħu.

Huwa qal li l-Knisja ma tridx tfakkar biss id-distinzjoni ġusta bejn il-qasam tal-awtorità ta’ Ċesari u dik ta’ Alla, bejn il-qasam tal-politika u dak tar-reliġjon. Il-Papa sostna li l-missjoni tal-Knisja, bħal dik ta’ Kristu,
hija essenzjalment dik li titkellem dwar Alla u tfakkar fis-sovranità tiegħu. Hija twissi lill-bnedmin, speċjalment lill-Insara li tilfu l-identità tagħhom, id-dritt li Alla għandu fuq dak kollu li huwa tiegħu, jiġifieri l-ħajja tagħna.

Għall-ewwel darba, il-Papa Benedittu XVI iddaħħal fil-Bażilika ta’ San Pietru fuq platform bir-roti li kien juża l-Papa Ġwanni Pawlu II fl-aħħar snin ta’ ħajtu.

Categories: Pastorali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: