Tfajla ta’ 18 ddikjarata beata.

Print Friendly, PDF & Email

Chiara Luce Badano: Tfajla ta’ tmintax-il sena ddikjarata Beata

Ħajr lill-Tony Aquilina 

Min hi din it-tfajla? Hi Chiara Luce Badano, tfajla bħat-tfajliet l-oħra: ferrieħa u fuq ruħha,   tħobb ħafna l-mużika, l-għawm, it-tennis, il-passiġġati fuq il-muntanja…. u mdawra b’ħafna ħbieb. Twieldet Sassello, fil-provinċja ta’ Savona, fid-29 ta’ Ottubru 1971, wara li l-ġenituri tagħha kienu ilhom ħdax-il sena jistennew it-twelid ta’ tarbija.

Għexet f’familja magħquda li tatha trobbija nisranija soda u, bħal sema mimli kwiekeb, ħajjitha kienet mimlija b’atti żgħar ta’ mħabba. Ta’ erba’ snin ġa kienet tara liema affarijiet tal-logħob se tagħti lit-tfal foqra. Kienet tirraġuna b’dan il-mod: “Ma nistax nagħti ġugarelli  imkissrin lil tfal li m’għandhom xejn”. Meta darba, waħda minn sħabha tal-iskola, kellha l-iskarlattina u ħadd ma ried imur jaraha, Chiara tkellmet dwar dan mal-ġenituri tagħha u ħasset li għandha tmur iżżurha u teħdilha l-homework. Qalet: “Hu aktar importanti tħobb milli tibża’”.

Fl-1981, flimkien ma’ ommha u missierha, ħadet sehem fil-Family Fest, manifestazzjoni dinjija organizzata mill-Moviment tal-Fokolari, li saret f’Ruma. Minn hawn bdiet ħajja ġdida għat-tlieta li huma u hi ngħaqdet mal-Ġen, it-tieni ġenerazzjoni tal-Moviment. Flimkien magħhom bdiet tgħix l-ideal tal-unità, deċiża li tgħix il-Vanġelu, li ssaħħret għal warajh. Kienet ukoll impenjata fil-ħajja tal-parroċċa u tad-djoċesi. F’waħda mill-ewwel ittri li kitbet lil Chiara Lubich, il-fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolari, wara li kienet ħadet sehem f’Kungress internazzjonali Ġen, qaltilha: “Skoprejt li Ġesù Abbandunat hu ċ-ċavetta tal-għaqda m’Alla, u rrid nagħżel lilu bħala l-għarus tiegħi u nhejji ruħi għal meta jiġi.”

Kellha sbatax-il sena meta, wara logħba tennis, ħasset uġigħ kbir fi spallitha. Bdewlha t-testijijet u ma damux ma sabu li kellha kanċer fl-għadam. Bdiet tmur għall-kura fi sptar Turin, kura li  kienet  tikkaġunalha ħafna tbatija. Iżda hi kienet tiffaċċa kollox b’kuraġġ kbir u kienet toffri kull tbatija lil Ġesù fil-waqt li tgħidlu: “Jekk dan tridu int, jiena wkoll rridu!” Wasal il-waqt meta ma setgħetx timxi aktar u t-tobba ma setgħu jagħmlulha xejn. Kienet tgħix dawn il-mumenti ibsin sostnuta mir-rabta tagħha ma’ Ġesù msallab u abbandunat u kienet tgħid: “Jekk jistaqsuni nixtieqx nimxi, ngħid le, għax issa nħossni tant aktar qrib ta’ Ġesù”. Għalkemm qajla setgħet tiċċaqlaq, hi baqgħet attiva. Kienet issegwi u tinteressa ruħha f’dak kollu li kien qed jiġri madwarha. Stiednet lil ħafna żgħażagħ biex jieħdu sehem fil-Ġenfest ’90 (manifestazzjoni taż-Żgħażagħ għal Dinja Magħquda li saret f’Ruma f’Mejju tal-1990). Hi segwiet it-trasmissjoni diretta permezz tal-antenna li tpoġġiet fuq il-bejt tad-dar tagħha. It-tabib li kien jieħu ħsiebha ma kienx jemmen, iżda hu stess stqarr li minn meta sar jaf lil Chiara ħajtu nbidlet.

Ir-rabta tagħha ma’ Chiara Lubich kompliet tissaħħaħ. Kienet tiktbilha u żżommha infurmata ’kollox. Fid-19 ta’ Lulju tal-1990 kitbitilha hekk: “Il-mediċina ċediet -armi. (…) It-triq li għandi quddiemi hi waħda iebsa… Spiss inħoss t-tbatija taħkimni. Imma dan hu l-Għarus li qed jiġi jżurni; mhux hekk? Iva, limkien miegħek, jiena wkoll ngħidlu: “Jekk dan tridu int, jiena wkoll irridu!”. hiara Lubich weġbitha hekk: “Chiara, tibżax tgħidlu “iva” mument wara l-ieħor. bqa’ żgurha li Hu jagħtik il-forza li għandek bżonn. Alla jħobbok b’imħabba la tarf. Ħsibt li nagħtik isem ġdid: ‘Chiara Luce’ (Dawl); jogħġbok?”

Kien jidher ċar li  wasal iż-żmien li tmur tiltaqa’ ma’ Ġesu’ u għalhekk bdiet tħejji għall-funeral tagħha: ħasbet għall-kant, il-qari, il-fjuri, l-libsa: riedet libsa bajda, bħal dik ta’ għarusa. Chiara Luce telqet lejn is-sema fis-7 ta’ Ottubru 1990. L-aħħar  kliem li qalet  lil ommha kien: “Ċaw ma, qis li tkun kuntenta għaliex jien kuntenta”.

Għadd kbir ta’ żgħażagħ u ħafna saċerdoti ħadu sehem fil-quddiesa tal-funeral tagħha cċelebrata mill-isqof tad-djoċesi. “Nirringrazzjaw lil Alla għal dan ir-raġġ qawwi ta’ dawl”: kien jgħid il-messaġġ ta’ Chiara Lubich għal din l-okkażjoni. L-isqof ta’ Acqui Terme beda l-proċess tal-beatifikazzjoni tagħha, u fit-3 ta’ Lulju 2008, Chiara Luce ġiet iddikkjarata venerabbli.

Fid-19 ta’ Diċembru 2009, il-Qdusija tiegħu l-Papa Benedittu XVI rrikonoxxa l-miraklu li sar bl-interċessjoni tagħha u fil-25 ta’ Settembru 2010, il-Knisja għamlitha Beata. Ġie deċiż ukoll li l-festa tal-Beata Chiara Luce Badano tiġi ċċelebrata fid-29 t’Ottubru.

Ftit jiem wara, fit-3 ta’ Ottubru, waqt żjara fil-belt ta’ Palermo, il-papa Benedittu XVI kien qed jindirizza liż-żgħażagħ u l-familji u qalilhom hekk:

“Naħseb li lkoll tafu li s-Sibt li għadda, 25 ta’ Settembru f’Ruma, ġiet ipproklamata beata ġdida, tfajla Taljana li jisimha Chiara, Chiara Badano. Nistidinkom issiru tafuha: għalkemm għexet ftit snin biss, imma ħajjitha hija messaġġ mill-isbaħ! Hi twieldet fl-1971 u mietet fl-1990, minħabba marda li ma titfejjaqx. Dsatax-il sena ta’ ħajja, ta’ mħabba, ta’ fidi. L-aħħar sentejn għexithom fi tbatijiet kbar, imma kienet dejjem fl-imħabba u fid-dawl, dawl li kien jiddi madwarha, imma li kien ġej minn ġewwa fiha, minn qalbha li kienet mimlija b’Alla. U dan kif seta’ jkun possibbli? Kif jista’ jkun li tfajla ta’ 17, 18–il sena tgħix tbatija bħal dik, mingħajr ebda tama ta’ fejqan, u madwarha xxerred l-imħabba, is-sliem, il-paċi u l-fidi? Ovvjament kienet il-grazzja t’Alla. Imma din il-grazzja kienet ippreparata u mgħejjuna min-nies ta’ madwarha: mgħejjuna l-ewwelnett mit-tfajla stess, imbagħad bla dubju ta’ xejn bl-għajnuna ta’ ommha u ta’ missierha u anke ta’ ħbiebha.

L-ewwel u qabel kollox il-ġenituri, il-familja. Illum irrid nenfasizza magħkom l-importanza tal-ġenituri u l-familja. Il-ġenituri tal-Beata Chiara Badano għadhom ħajjin, u kienu Ruma għall-beatitfikazzjoni ta’ binthom. Jien iltqajt magħhom personalment. Binthom kienet mimlija bid-dawl t’Alla. U dan id-dawl, li ġej mill-fidi u mill-imħabba, xegħluh huma l-ewwel fit-tifla tagħhom: missierha u ommha xegħlu fil-qalb ta’ binthom il-fjamma ċkejkna tal-fidi. Huma għenu lil binthom Chiara biex iżżommha mixgħula dejjem, anke fil-mumenti diffiċli tat-trobbija u l-iżjed fil-mumenti iebsa tal-marda. Hija dik il-fjamma li naraw b’mod simboliku fir-rit tal-Magħmudija, meta s-saċerdot jgħid: ĦUDU D-DAWL TA’ KRISTU. Din hija fjamma li rridu nżommuha dejjem tixgħel. Ħbieb, dan hu l-messaġġ li xtaqt nagħtikom illum: ir-rabta ta’ bejn il-ġenituri u t-tfal, kif tafu, hi fundamentali…”.

Sa minn meta twaqqaf il-Moviment Ġen, Chiara Lubich dejjem sfidat liż-żgħażagħ biex jimmiraw lejn ideal għoli: “Tridu tkunu ġenerazzjoni ta’ qaddisin”. Chiara Luce Badano mhijiex l-unika waħda li waslet sa hawn; hemm żgħażagħ oħra bħalha. Bħalissa għaddej il-proċess ta’ beatifikazzjoni  ta’ tlieta oħra minnhom.

Ara s-sit uffiċċjali tal-Beata Chiara Luce Badano …> ikklikkja

5 thoughts on “Tfajla ta’ 18 ddikjarata beata.”

  1. Tassew tibqa impressjonat b esperjenza ta tfajla hekk specjali u fuq kollox ta l istess zmienijiet tal lum……..hallitni verament kommos……..

  2. Ghalija mpressjonanti hafna l-kuragg u l-imhabba kbira lejn Alla li kellha din it-tfajla minkejja t-tbatija li ghaddiet minnha. Ahna llkoll ghandha nimxu fuq l-ezempju taghha allavolja ma’ jirnexxilniex mill-ewwel imma jekk nibnu relazzjoni profonda m’Alla zgur se jkollna l-ghajnuna u l-kurragg li ghandna bzonn.

  3. Din il-ħajja ta’ Chiara Badano turina li anke f’dawn iż-żminijiet nistgħu nsiru qaddissin jekk ngħixu kif iridna Ġesu’ u naċċettaw it-tbatija li jkollna fil-ħajja. Irridu nħobbu lil ta madwarna u kull min niltaqgħu miegħu anke f’mumenti diffiċli.

  4. Ahna nixtiequ li tidhol ghalina quddiem il-Mulej ALLA, ghax hemm koppja mizzewga li huma fil-perikolu li jisfaxxa iz-zwieg taghhom u ghandom tifel ta’ 3 snin biex il-Mulej jaghtihom grazzja li jsalvaw iz-zwieg taghhom
    Grazzi Mulej

  5. Din hija storja li tmiss il-qalb. Jalla ilkoll inkunu kapaci naffaccjaw it-tbatija bhal Chiara. Qed tfakkarni hafna f’Annabel Vassallo it-tfajla Maltija li kellha marda simili. Hemm xi cans li jinfetah xi process ta’ beatifikazzjoni ghaliha?

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading