Home > Evanġelizzazzjoni > L-Evanġelizzazzjoni Ġdida! … Kif?

L-Evanġelizzazzjoni Ġdida! … Kif?


L-Evanġelizzazzjoni Ġdida!… Kif ?
Kwalitajiet u Karatteristiċi  tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida.
Joe Farrugia

Wara l-artiklu ara wkoll il-kummenti u suġġerimenti aktar ‘l isfel, fosthom dawk ta’ saċerdot li għamel 40 sena fil-Brażil …↴

Sa mill-bidu tal-pontifikat tiegħu, il-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II, saħaq fuq il-bżonn ta’ Evanġelizzazzjoni Ġdida, iżda kien fl-enċiklika tiegħu Redemptoris Missio (RM) li fiha huwa mhux biss spjega x’inhija din l-evanġelizzazzjoni iżda wkoll daħal f’dettal dwar x’għandhom ikunu l-kwalitajiet tagħha. Id-dokument kien pubblikat fis-7 ta’ Diċembru 1990, propju għeluq il-25 sena mid-digriet tal-Konċilju Vatikan II, Ad Gentes. Fih il-Papa juri kif id-differenzi fil-ħidma tal-missjoni waħdanija tal-Knisja, ma jiġux mill-missjoni nfisha, imma miċ-ċirkostanzi li fiha trid isseħħ.

L-ewwel tip ta’ ħidma missjunarja tal-Knisja hi dik li ssir ma’ popli jew gruppi li ma jafux bi Kristu. Hemm imbagħad dik il-ħidma pastorali li ssir ma’ komunitajiet insara fejn il-fidi hija waħda ħajja, fejn l-insara jagħtu xhieda tal-evanġelju f’pajjiżhom u jħossu li huma fid-dmir li jagħtu sehemhom fil-missjoni universali tal-Knisja.  It-tielet ħidma ssir ma’ dawk in-nazzjonijiet fejn gruppi sħaħ ta’ nsara tilfu s-sens ħaj tal-fidi, forsi wkoll iqisu ruħhom li m’għadhomx membri tal-Knisja, jew qegħdin jgħixu ħajja ‘l bogħod minn Kristu u mill-evanġelju tiegħu. F’dan il-każ hi meħtieġa “evanġelizzazzjoni ġdida”, biex dawn il-komunitajiet jerġgħu jiġu evanġelizzati. (RM 33)

Minkejja li kienet pubblikata 21 sena ilu, madankollu din l-enċiklika forsi saret aktar attwali llum minn meta nkitbet. F’pajjiżna qiegħed dejjem jikber u jinħass aktar il-bżonn ta’ ħidma pastorali serja li tindirizza b’mod ġdid il-ħtiġijiet ta’ kultura, tradizzjonalment nisranija, imma li tant hija ‘l bogħod milli tifhem u tħaddan bis-serjetà l-messaġġ tal-evanġelju. U dan minkejja li certi attivitajiet jew ċelebrazzjonijiet, hekk immsejħa “reliġjużi” bħal donnhom kibru u żdiedu.
Għalhekk biex din l-evanġelizzazzjoni ġdida titwettaq sewwa u b’mod li tħalli l-frott, ikun tajjeb li niflu sewwa dawk il-kwalitajiet, li skont l-istess Papa Ġwanni Pawlu II, hija għandu jkollha.

Kristoċentrika.
L-evanġelizzazzjoni ġdida trid qabel xejn tkun iċċentrata kompletament fuq il-persuna ta’ Ġesù Kristu. Il-Knisja mhux biss trid ixxandar il-kelma ta’ Alla, mwassla lilha mill-Imgħallem tagħha, iżda trid qabel xejn twassal lilu stess għaliex kif naqraw fl-istess prologu tal-evanġelju skont San Ġwann, Kristu nnifsu huwa l-Kelma nfisha.

Fir-Redemptoris Missio, il-Papa Ġwanni Pawlu II juri li l-Knisja, sa mill-ewwel predikazzjoni tagħha wasslet lil Ġesù bħala l-uniku Feddej tal-bniedem. Huwa jinsisti li min jipprova jifred il-kelma mill-persuna ta’ Ġesù Kristu jkun qed imur kontra l-istess fidi nisranija (RM 5 u 6)

Illum huwa mportanti ħafna li kontinwament infakkru dwar il-ħtieġa ta’ evanġelizzazzjoni Kristoċentrika għaliex huwa faċli ħafna li naqgħu għat-tentazzjoni li nwasslu evanġelju mingħajr Kristu. Mhux darba jew tnejn nisemgħu priedki sħaħ u korsijiet ta’ eżerċizzi, suppost spiritwali, fejn nippruvaw inwasslu valuri f’kuntest purament soċjali, iżda li fih donnu Kristu ma għandu ebda post. Inkella nistgħu nitfgħu l-attenzjoni tagħna aktar fuq dawk is-sinjali tal-Knisja, li jidħru minn barra, milli fuq Kristu, li dawn is-sinjali suppost jkunu kollha jippuntaw lejH.

Korresponsabiltà.
L-evanġelizzazzjoni ġdida hija r-responsabiltà tal-poplu ta’ Alla kollu. Din saħaq dwarha il-Konċilju Vatikan II, l-aktar fid-dokument Lumen Gentium, iżda minnkejja li għaddew kważi ħamsin sena, bosta nsara għadhom iħossu lilhom infushom esklużi jew eżentati minn dan id-dmir li huwa mogħti lil kull persuna dakinhar tal-magħmudija.

Ħasra li llum bosta għadhom jaħsbu li dmirhom fil-Knisja huwa biss li joqgħodu bilqegħda u fedelment jirċievu dak li huwa mgħoddi lilhom mis-saċerdoti. Jaħsbu li fil-Knisja huma biss il-ftit li xogħolhom huwa biex jagħtu u jamministraw, waqt li l-maġġoranza, qegħdin hemm biss biex jirċievu.  Mill-banda l-oħra, anke fost l-istess lajċi mpenjati fil-ħidma tal-Knisja, għad hemm bosta li jħarsu lejn din il-ħidma tagħhom bħala għajnuna f’xogħol li huwa tas-saċerdot u għalhekk huma qegħdin biex jgħinu minnħabba n-nuqqas ta’ saċerdoti.

Tul l-eżortazzjoni appostolika, Christifideles Laici, il-Papa Ġwanni Pawlu II jinsisti dwar ir-responsabiltà tal-lajċi fil-ħidma tal-Knisja. Imma wkoll fir-Redemptoris Missio huwa jsemmi r-responsabbiltà tal-lajċi f’din il-missjoni, li hija mpenn tal-poplu t’Alla kollu. Huwa jikteb dwar dawk il-lajċi li jsiru evanġelizzaturi, l-aktar bħala katekisti, imma jinsisti li biex jgħixu aħjar il-fidi tagħhom, huma l-insara lajċi kollha li għandhom joffru xi ftit mill-ħin tagħhom lill-Knisja. (RM 71-74)

Kulturali.
L-enċiklika Redemptoris Missio titkellem dwar dak li ssejjaħlu l-inkarnazzjoni tal-evanġelju fil-kulturi tal-popli. Dan ifisser li l-evanġelizzazzjoni ma tridx tkun biss immirata lejn individwi iżda lejn kulturi sħaħ. (RM 52)

Dan ma jgħoddx biss għal dawk il-popli li qatt ma ħaddnu l-evanġelju, iżda wkoll għal dawk li għalkemm huma tradizzjonalment insara, madankollu, bl-influwenza tal-sekulariżmu, anke l-istess drawwiet insara tagħhom, illum ġew paganizzati. Fejn seħħ dan, jew qiegħed iseħħ issa, huwa dmir ta’ dawk l-insara li għadhom iħaddnu t-twemmin tagħhom b’kunvinzjoni, li bil-kelma u bl-eżempju tal-ħajja tagħhom jinfluwenzaw il-kulturi ta’ madwarhom biex fihom jinkarna mill-ġdid l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Katekeżi.
Barra minn hekk irridu nifhmu li l-evangelizzazzjoni ġdida ma tinkludix biss it-tħabbir mill-ġdid tal-kelma, iżda hija proċess sħiħ ta’ kristjanizzazzjoni u għalhekk trid tkun imsieħba minn katekeżi kontinwa. Jgħidilna Ġwanni Pawlu II li t-tħabbira tal-evanġelju, biex tkun sħiħa, irid ikollha wkoll katekeżi ekklesjali u sagramentali. (RM 23)

Sfortunatament, f’pajjiżna din il-katekeżi hija spiss limitata għall-klassijiet tad-duttrina li jattendu t-tfal qabel jersqu għall-ewwel tqarbina jew għall-konfirmazzjoni. Xi għaqdiet reliġjużi joffru wkoll katekeżi limitata għall-membri tagħhom u f’ċerti każi din hija miftuħa wkoll għal oħrajn li m’humiex. Iżda l-obbligu ta’ programm tajjeb ta’ katekeżi huwa tal-parroċċa. U dan irid ikun maħsub biex jilħaq lil kulħadd, mit-tfal sal-anzjani. Naħseb li llum fil-parroċċi kollha ssib il-Kummissjoni Kateketika, iżda ma naħsibx li nkun żbaljat jekk ngħid li bosta minn dawn il-kummissjonijiet jipprovdu biss għall-klassijiet tad-duttrina tat-tfal.

Kontemplazzjoni.
Min-naħa tagħhom, dawk li jridu jwettqu fedelment din il-missjoni, għandhom jaħsbu fuq id-dmir li għandhom li jkollhom dik il-qdusija li jitlob minnhom id-don ta’ din il-vokazzjoni. Huma jridu kuljum jiġġeddu fl-ispirtu u jaġgornaw il-formazzjoni dottrinali u pastorali tagħhom. Huwa u jaqdi l-ħidma tiegħu, in-nisrani jeħtieġlu jkun bniedem kontemplattiv. Irid isib it-tweġiba għall-problemi tiegħu fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla u fit-talb, kemm personali u kif ukoll komunitarju. (RM 91)

Kuraġġ.
F’intervista li ta f’Diċembru tal-2010, l-Isqof Rino Fisichella, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Evangelizzazzjoni Ġdida, qal li l-evanġelizzazzjoni ġdida ma ssirx għaliex qed ngħixu fi żminijiet ta’ kriżi.

Madankollu nafu li meta soċjetà tradizjonalment nisranija bħal tagħna tkun sekularizzata u tgħaddi minn esperjenza bħal ta’ eklissi ta’ Alla, allura għan-nisrani dan jista’ jkun ta’ skoraġġiment kbir.  Il-Papa Ġwanni Pawlu II kiteb fir-Redemptoris Missio, illi jekk nagħtu ħarsa lid-dinja tal-lum, naraw ħafna fatturi negattivi, li jistgħu jwasslu għall-pessimiżmu. Iżda dan hu bla sens għaliex aħna nemmnu f’Alla, il-Missier u Sidna, u fit-tjieba u l-ħniena tiegħu. Imbagħad f’nota qawwija ta’ ottimiżmu jkompli li llum Alla qiegħed iħejji rebbiegħa nisranija tassew tal-għaġeb, li tagħha ġa qegħdin naraw is-sebħ. (RM 86)

Fi ftit ġimgħat oħra fil-parroċċi Maltin jibdew isiru l-Assembleji Parrokkjali annwali. F’dawn il-jiem ukoll, kemm fid-djoċesi kif ukoll f’kull parroċċa suppost qiegħed jitħejja l-pjan pastorali li fuqu trid titfassal il-ħidma pastorali ta’ pajjiżna matul it-tliet snin li ġejjien. F’dan kollu, jista’ jkollna t-tentazzjoni kbira li nżommu l-istatus quo u nibqgħu għaddejjin bil-programm li dejjem imxejna fuqu tul l-aħħar għexieren ta’ snin.

L-alternattiva titlob minna impenn kbir u determinazzjoni sħiħa biex ilkoll flimkien inwieġbu għal din is-sejħa li qed tagħmlilna l-Knisja. Imma hija waħda li fi kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II, (RM 91) twassal għas-sebħ ta’ żmien missjunarju ġdid, jum li għad ikun jiddi kollu frott. Qatt daqs illum ma kellha l-Knisja opportunitajiet u okkażjonijiet li twassal l-evanġelju lill-bnedmin u lill-popli. Basta aħna lkoll inwieġbu b’ġenerożita u qdusija kbira għall-sfidi u l-appelli ta’ żmienna.

Tista’ ssib l-Enċiklika Redemtoris Missio bil-Malti billi tikklikkja hawn… »

Aktar dokumenti u tagħrif dwar l-Evanġelizzazzjoni Ġdida. …»

Categories: Evanġelizzazzjoni
  1. Joseph P.Tonna
    September 8, 2011 at 11:37 am

    Prosit u grazzi. Naqbel li hemm bżonn ta’ evangelizazzjoni ġdida. Ħafna lajċi anki dawk impenjati fil-parroċċa huma neqsin mill-vera formazzjoni nisranija. Huma ħafna l-insara għax irċevew il-magħmudija, biss huma ftit dawk ta’ formazzjoni tajba u fil-fond. Ħafna nsara għandhom formazzjoni nfantili. Attendew il-klassijiet tal-katekizmu sakemm irċevew l-ewwel tqarbina u s-sagramnent tal-konfermazzjoni (jiġifieri il-grizma ta’ l-isqof).
    It-tagħlim huwa l-għajn ta’ kull ġid. Trid tibqa titgħallem sal-mewt. Dik hija l-pjaga li għandna. Formazzjoni nfantili, tiżżewweġ u jkollok l-ulied. Nistqasi: Issa kif sejjer trabbi l-uliedek jekk il-formazzjoni tiegħek personali hija fqira? Ħadd ma jista jagħti minn dak li m’għandux. Irridu nkunu persuni ta’ formazzjoni tajba. Fejn inkunu aħna ħafna drabi ma’ jistax ikun hemm is-saċerdot.
    Nistgħu nagħmlu ħafna, fit-triq, fil-ħanut, fuq ix-xogħol, etc. Irridu nkunu għaqlin u prudenti kif nikkoreġu. L-eżempju tajjeb tagħna jista jagħmel ħafna ġid. Aħna rridu nkunu dixxippli ta’ Kristu u saċerdoti oħrajn mhux li namministraw is-sagramenti, imma li nwasslu lil Kristu. Irridu nkunu melħ ta’ l-art u dawl għal l-oħrajn. Irridu nkunu persuni umli, u dak li nagħmlu, nagħmluħ bl-imħabba. Niftakru li aħna ulied l-istess missier, li jridna li nħobbu lil xulxin, kif iħobbna hu.

  2. albert debono
    September 6, 2011 at 11:07 pm

    “Mill-banda l-oħra, anke fost l-istess lajċi mpenjati fil-ħidma tal-Knisja, għad hemm bosta li jħarsu lejn din il-ħidma tagħhom bħala għajnuna f’xogħol li huwa tas-saċerdot u għalhekk huma qegħdin biex jgħinu minnħabba n-nuqqas ta’ saċerdoti”

    ippermettili nikkummenta li minghajr ma nkun personali nemmen li ghad hemm hafna strutturi fil-knisja taghna, illi jheggu li l-hidma ssir b’dan il-mod, u la hawn membri tal kleru f’din id-diskussjoni nistaqsi…u jista jkun hemm ukoll nies li toghgobhom din it-tifsila ta l-affarijiet?, jew li avolja ma toghgobhomx certu status quo kuntenti fih?

    Il parir ta dun lawrenz nhossu siewi hafna specjalment : “Fl-aħħar kienu jsiru ċerimonji sbieħ fil-parroċċi biex jintbagħtu l-operaturi pastorali bħal ma jagħmlu l-Katekisti hawn f’Malta fil-bidu tas-sena kateketika” ….zghazagh u ohrajn li jiehdu impenn qed ihossuhom mibghuta?

  3. Dun Lawrenz Gauci
    September 6, 2011 at 6:15 pm

    Suġġerimenti wara 40 sena fil-Missjoni
    Dun Lawrenz Gauci,
    Rettur tal-Knisja Kristu Rxoxt, Tarxien

    Aħna l-Maltin msemmijin kemm niktbu dokumenti u nfasslu pjanijiet pastorali sbieħ. Per eżempju,għoġbuni ħafna d-dokumenti tal-aħħar Sinodu b’kontenut pastorali sinjur ħafna.
    Biss nistaqsi: kemm ġew imqegħdin fil-prattika dawn? Forsi qegħdin nippjanaw kollox minn fuq għall-isfel? Forsi dejjem nimponu u nippjanaw mingħajr ma l-operaturi pastorali jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet u l-prioritajiet pastorali tagħna?
    Sa nissugerrixxi ħaġa waħda biss. Li nbiddlu l-metodu u minflok nimponu minn fuq għal isfel għadna ninkludi l-operaturi pastorali kollha fiż-żoni pastorali, parroċċi, reġjuni u djoċesi.
    Jien ħdimt fil-pastorali fil-Brażil għal erbgħin sena u tista’ tgħid li dejjem konna nibdew b’metodu bil-maqlub. Konna nibdew billi, per eżempju, fuq l-Evangelizzazjoni l-Ġdida konna nagħmlu xi mistoqsijiet sempliċi: X’inhi din? Taqbel jew fhiex ma taqbilx? Kif nistgħu inqegħduha fil-prattika fiż-żoni pastorali, fil-parroċċi, fir-reġjuni u fid-djoċesi? Wara li jsiru assembleji f’ kull komunità reliġjuża u bejn l-operaturi pastorali, kienu jintgħazlu xi tlett prioritajiet pastorali (mhux xi għaxra). Ħafna drabi kienu jivvotaw fuq dawn id-deċizzjonijiet jew prioritajiet. Kien hemm drabi li dan il-proċess kien jieħu anke sitt xhur.
    Fit-tieni pass, ir-rizultat kien imur biex jiġi studjat fir-reġjuni pastorali u wara jgħaddi li jgħaddi mill-kordinaturi pastorali. Kien imur għand l-isqof li ħafna drabi kien japprovah u jagħti l-benedizzjoni tiegħu. Fl-aħħar kienu jsiru ċerimonji sbieħ fil-parroċċi biex jintbagħtu l-operaturi pastorali bħal ma jagħmlu l-Katekisti hawn f’Malta fil-bidu tas-sena kateketika. Wara xi xhur kienet isir l-evalwazzjoni fuq x’qiegħed isir.
    Nistqarr li r-rizultat kien ikun mill-aħjar għaliex l-istess operaturi kienu jħossuhom responsabli ta’ dan il-pjan jew normi pastoral għax ikun gej mill-bażi jew min isfel.
    Dan hu suggeriment li nemmen jista’ jgħin l-iżjed meta ix-xogħol isir f’teamwork u kulħadd iħossu ko-responsabbli.

    Għal min irid jifhem ftit kliem biżzejjed. Grazzi.

  4. jez4jesus
    September 5, 2011 at 11:44 pm

    Grazzi tat-tghallim lil kullhadd! Jien nemmen li ghandha bzonn nahdmu flimkien biex l-Evangelizzazzjoni l-Gdida tkun ta success. Ghandi esperjenza ta Evangelizzazzjoni fit-triq, nhegu n-nies biex jiltaqaw ma Gesu’ Ewkaristija, r-rispons dejjem kien tajjeb hafna ghal grazzja t’Alla!

  5. natmuscat
    September 5, 2011 at 6:19 pm

    Fil-mixja taghha tul is-sekli l-knisja spiss talbet ghal spirtu mgedded, li jghinha tifhem u tghix l-evangelju b’mod rilevanti ghall-era partikolari li minnha tkun ghaddeja. Kull darba, l-evangelizzazzjoni gdida fissret ukoll sfidi godda u riskji godda. Inhoss li r-riskju ewlieni ghalina llum huwa li nirrikonoxxu t-tajjeb u s-sabih fil-kultura ta’ zmienna, li ngharfu li ghandna x’nitghallmu wkoll mis-socjeta’ taghna stess.

  6. Dun Kalcidon Vassallo
    September 5, 2011 at 5:40 pm

    Jekk tassew nemmnu f’Evanġeliżżazzjoni gdid, allura rridu nħaffru xi ftit fil-fond.
    Ghandna dwawwiet li ilhom jeżistu snin twal ħafna u li jħawwdu. Per eżempju għaliex f’festi ewlenin liturġiċi jiġu ċelebrati festi tal-qaddis/qaddisa tal-parroċċi ?? Mela l-Knisja universali tiċċelebra s-sollenita , nghidu aħna ta Corpus, u fil-parroċċa ssir il-festa ta’ San Cicci. Bhal ma tafu, dan isir mhux f’parroċċa waħda. Bil-kliem fil-priedki u katekesi ngħidu li l-Festa tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej (biex inżomm l-istess eżempju) hija ġrajja mportanti ħafna fil-ħajja tal-Knisja, u bil-fatti ngħidu li San Ċiċċi jiswa ħafna aktar minnha.
    Katekeżi oħra bil-fatti: kemm inħeġġu lin-nies biex iħejju ruħhom għall-quddiesa, u bir-raġun. Imbgħad ikun hemm xi konċelebrazzjoni u l-paroli (kultant anke storbju u daħk) li jibda jinstemgħa fis-sagrestija mill-konċelebranti iwaqqa l-priedki u-tħeġġiġ li jkun sar lin-nies.
    Ser insemmi dawn biss. Hemm ħafna eżempji oħra li nonqos fihom jien l-ewwel wieħed.
    Forsi jkun jiswa jekk min jevanġeliżża jarbel ftit lilu nnifsu.

  7. Paul Xuereb
    September 5, 2011 at 11:52 am

    L-aktar haga li laqtitni f’dan id-dokument hu l-htiega ta’ katakezi kontinwa.
    Jien u marti nitkellmu minn esperjenza konkreta: assolutamnet mhux
    possibli li wiehed jevangelizza jekk ma jiskopriex min hu verament Gesu’
    Kristu u min hu tassew hu, jigifieri l-individwu. Nitkellem ghalija,
    kont membru ta’ ghaqdiet religjuzi ghal hafna snin izda qatt ma skoprejt
    b’mod konkret min hu verament Gesu’ Kristu u min kont tassew jien. Kont
    nahseb li ghax immur nisma’ quddiesa kuljum kont wasalt xi mkien. Wara
    kwazi 30 sena ta’ katakezi kontinwa skoprejt li Gesu’ Kristu jhobbni
    hekk kif jien u kemm minghalija kont nisrani perfett u li assolutament
    ma kontx. Wara li skoprejt dan, allura stajt nevangelizza kif d-dokument
    iheggeg. Dak li ghamilna jien u marti jista’ jaghmlu haddiehor.

    Katakezi f’Malta ilhom isiru ghal aktar minn 30 sena. Inhossu li qatt ma
    kien hemm, jew ftit li xejn, theggieg mill-Kleru biex il-poplu
    jattendi.

    Dan li ktibt kien inqanqal mill-imhabba kbira li jien u marti ghandna
    ghall-Knisja, l-omm taghna lkoll.

  8. Sr. Mariella Agius rscj
    September 5, 2011 at 8:49 am

    proset u grzzi. Il veru tagħmlilna kollox ħafif. Tagħmililna possibli biex inkunu aġġornati u mħeġġa biex nistudjaw id-dokumenti u nkunu membri ħajjin tal-knisja tagħna.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: