Home > Żgħażagħ > “Il-Fidi ma tmurx kontra l-ideali għolja tagħkom.” Benedittu XVI

“Il-Fidi ma tmurx kontra l-ideali għolja tagħkom.” Benedittu XVI


VELJA TA’ TALB MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ – L-OMELIJA TAL-Q.T. L-PAPA BENEDITTU XVI

Cuatro Vientos Air Base, Madrid  – Is-Sibt, 20 t’Awwissu 2011

 Għeżież Żgħażagħ,

Insellmilkom ilkoll, speċjalment liż-żgħażagħ li staqsewni l-mistoqsijiet tagħhom, u nirringrazzjahom tas-sinċerità li biha wasslu t-tħassib tagħhom, li juri x-xenqa li intom ilkoll għandkom li tagħmlu xi ħaġa kbira f’ħajjitkom, xi ħaġa li ġġibilkom il-milja tagħkom u ferħ.

Kif jista’ żagħżugħ jibqa’ fidil lejn il-fidi u xorta jissokta jaspira lejn ideali għolja fis-soċjetà ta’ llum?  L-Evanġelju li għadna kif smajna, jagħtina tweġiba għal din il-mistoqsija urġenti: “Kif ħabbni l-Missier, hekk ħabbejt lilkom; ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw. 15, 9)

Iva, għeżież ħbieb, Alla jħobbna.  Din hi l-verità qawwija ta’ ħajjitna; hi dak li jagħti tifsira lil kull ħaġa oħra.  Aħna m’aħniex frott ta’ destin jew assurdità għomja; iżda ħajjitna issib l-għajn tagħha bħala partiminnpjan ta’ mħabba ta’ Alla.  Li nibqgħu f’imħabbtu, għalhekk, ifisser li ngħixu ħajja mxettla fil-fidi, ladarba l-fidi mhix biss li taċċetta xi veritajiet astratti: hi relazzjoni intima ma’ Kristu, li jagħtina l-ħila li niftħu qalbna għal dan il-misteru ta’ mħabba u ngħixu ta’ rġiel u nisa li jagħrfu li huma maħbubinminnAlla.

Jekk tibqgħu fl-imħabba ta’ Kristu, imxettla fil-fidi, intom se tiltaqgħu mal-għajn ta’ ferħ u sliem, ukoll qalb diżappunti u tbatija.  Il-Fidi ma tmurx kontra l-ideali għolja tagħkom; bil-maqlub, hi terfa’ ‘l fuq u tipperfezzjona dawk l-ideali.  Għeżież żgħażagħ, tikkuntentawx b’inqas mill-Verità u l-Imħabba, tikkuntentawx b’dak li hu inqas minn Kristu.

F’dawn iż-żminijiet, għalkemm il-kultura tar-relattiviżmu li taħkem fuq dak kollu li hawn madwarna, qatgħet qalbha mit-tfittxija għall-verità, ukoll jekk din hi l-ogħla aspirazzjoni tal-ispirtu tal-bniedem, għandna bżonn nitkellmu bil-kuraġġ u bl-umiltà dwar it-tifsira universali ta’ Kristu l-Feddej tal-umanità u l-għajn tat-tama f’ħajjitna.  Hu refa’ fuqu t-tbatijiet tagħna, hu midħla sew tal-misteru tat-tbatija tal-bniedem u juri lilu nnifsu, mimli mħabba, f’dawk li qed ibatu. Huma min-naħa tagħhom, magħqudin mal-passjoni ta’ Kristu, jaqsmu mill-qrib dil-ħidma tiegħu ta’ fidwa.  Aktar minn hekk, l-attenzjoni miftuħa li aħna nagħtu lill-morda u lill-minsija tibqa’ dejjem xhieda umli u ħelwa tal-ħniena t’Alla.

Għeżież ħbieb, tħallu l-ebda kuntrarju jxekkilkom.  Tibżgħux, la mid-dinja, la mill-ġejjieni, u lanqas min-nuqqas ta’ ħila tagħkom.  Il-Mulej ippermettielkom li tgħixu f’dan il-mument fl-istorja biex, bil-fidi tagħkom, ismu jibqa’ jidwi mad-dinja kollha.

Waqt din il-velja ta’ talb, inħeġġiġkom titolbu lil Alla jgħinkom tagħrfu s-sejħa tagħkom fis-soċjetà u fil-Knisja, u li żżommu sħiħ bil-ferħ u l-fedeltà f’dik is-sejħa.  Hi ħaġa sabiħa li niftħu qalbna għas-sejħa ta’ Kristu u li nimxu b’kuraġġ u b’qalb kbira tul it-triq li jsawwar għalina.

Il-Mulej isejjaħ lil ħafna għall-ħajja fiż-żwieġ, fejn raġel u mara, filwaqt li jsiru ġisem wieħed (ara Ġen 2, 24), isibu l-milja tagħhom f’ħajja mimlija fl-għaqda ta’ bejniethom.  Hi viżjoni li daqskemm hi sabiħa daqshekk ieħor titlob impenn.  Hu proġett ta’ mħabba tassew li kuljum tiġġedded u ssir aktar qawwija fil-qsim tal-ferħ u n-niket, imħabba issiġillata bl-għotja totali tagħna nfusna.  Għahekk, li tammetti l-ġmiel u t-tjubija taż-żwieġ hi li tagħraf li biss l-ambjent ta’ fedeltà li ma tinħalx, flimkien mad-dispożizzjoni għad-don tal-ħajja li ġej minn Alla, li jixirqu lill-kobor u d-dinjità tal-imħabba fiż-żwieġ.

Kristu jsejjaħ oħrajn li jimxu eqreb warajh fis-saċerdozju jew fil-ħajja kkonsagrata.  Mhux faċli ssib il-kliem biex tfisser il-ferħ li tħoss meta tkun taf li Ġesù jfittxek, jafdak, u b’leħnu, li ma tistax ma tagħrfux, jgħidlek ukoll: “Imxi warajja!” (ara Mk 2, 14).

Għeżież żgħażagħ, jekk tixtiequ tiskopru u tgħixu fedelment dak l-istat ta’ ħajja li għalih il-Mulej qed isejjaħ lil kull wieħed u waħda minnkom, tridu tibqgħu f’imħabbtu bħala l-ħbieb tiegħu.  U kif nistgħu nżommu sħiħa ħbiberija jekk mhux billi niltaqgħu ta’ spiss, nitkellmu, u nkunu flimkien fil-ġid u fid-deni?  Sta Tereża ta’ Ġesù kienet tgħid li t-talb hu biss “dik il-laqgħa bejn il-ħbieb, u li ta’ spiss inqattgħu ħin weħidna ma’ dak li nafu li jħobbna” (ara L-Awtobijografija, 8).

Mela issa nitlobkom li “tibqgħu” fl-adorazzjoni ta’ Kristu, li hu tassew preżenti fl-Ewkaristija.  Nitlobkom li tidħlu f’diskursata miegħu, biex iġġibulu quddiemu l-mistoqsijiet tagħkom u tisimgħu leħnu.  Għeżież ħbieb, nitlob għalikom b’qalbi kollha.  U nitlobkom biex titolbu għalija.  Illejla ejjew nitolbu lill-Mulej biex, miġbudin mill-ġmiel ta’ mħabbtu, nibqgħu dejjem fidili lejh bħala dixxipli tiegħi.  Ammen.

Għeżież ħbieb, nirringrazzjakom tal-ferħ u r-reżistenza tagħkom.  Il-qawwa tagħkom hi aqwa mix-xita.  Grazzi.  Max-xita, il-Mulej bgħatilna ħafna barkiet.  F’dan ukoll, intom tagħtu eżempju.

[Franċiż]  Għeżież żgħażagħ ta’ lsien Franċiż, kunu kburin bid-don tal-fidi li rċevejtu għaliex iddawlilkom ħajjitkom f’kull ħin. Isiltu l-qawwa mill-fidi ta’ dawk ta’ madwarkom, mill-fidi tal-Knisja!  Permezz tal-fidi aħna weqfin fi Kristu.  Inġabru flimkien biex issaħħuha, titilfux iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, l-aqwa misteru tal-fidi.  Kristu waħdu jista’ jwieġeb għall-aspirazzjonijiet tagħkom.  Ħallu lilkom infuskom tinħatfuminn Alla, biex tkunu intom li tagħtu ħajja ġdida lill-Knisja!

[Ingliż]  Għeżież żgħażagħ, f’dan il-ħin ta’ skiet quddiem is-Sagrament Imqaddes, ejjew nerfgħu moħħna u qalbna lejn Ġesù Kristu, is-Sid ta’ ħajjitna u tal-ġejjieni.  Jalla jxerred l-Ispirtu tiegħu fuqna u fuq il-Knisja kollha, biex inkunu torċa ta’ ħelsien, maħfra u paċi għad-dinja kollha.

[Ġermaniż]  Għeżież Insara żgħażagħ mill-pajjiżi ta’ lsien Ġermaniż!  Fil-fond ta’ qalbna aħna nixxenqu għal dak li hu kbir u sabiħ fil-ħajja.  Tħallux li x-xewqat u l-ħolm tagħkom jisfaxxa, iżda waqqfuhom fis-sod f’Ġesù Kristu.  Hu nnifsu hu s-sisien żguri, dak li lejh għandkom idduru, biex tibnu ħajjitkom.

[Taljan]  Indur issa lejn iż-żgħażagħ Taljani.  Għeżież ħbieb.  Din il-velja se tibqagħlkom esperjenza li ma tinsewha qatt f’ħajjitkom.  Ħudu ħsieb il-fjamma li Alla xegħel f’qalbkom illejla.  Tħalluha qatt tintefa’, ġedduha kuljum, aqsmuha maż-żgħażagħ tamparkom li qed jgħixu fid-dalma u li qed ifittxu dawl għal mat-triq.  Grazzi!  Niltaqgħu għada filgħodu!

[Portugiż]  Għeżież ħbieb tiegħi, nistieden lil kull wieħed u waħda minnkom li tidħlu fi djalogu personali ma’ Kristu, biex taqsmu miegħu dak li qed iħassibkom u fuq kollox tisimgħu leħnu.  Il-Mulej qiegħed hawn u qiegħed isejħilkom!  Ħbieb żgħażagħ, hi ħaġa sabiħa li nisimgħu ġewwa fina l-kelma ta’ Ġesù u nimxu fuq il-passi tiegħu.  Itolbu lill-Mulej jgħinkom tagħrfu s-sejħa tagħkom fil-ħajja u fil-Knisja, u biex iżżommu fiha bil-ferħ u l-fedeltà, għax tafu li qatt ma jħallikom jew iqarraq bikom!  Jibqa’ magħna sal-aħħar taż-żmien.

[Pollakk]   Għeżież ħbieb żgħażagħ mill-Polonja!  Din il-velja ta’ talb hi mimlija bil-preżenza ta’ Kristu.  Weqfin fi mħabbtu, ersqu lejh bil-fjamma tal-fidi tagħkom.  Jimlielkom qalbkom bil-ħajja tiegħu.  Ibnu ħajjitkom fuq Kristu u fuq l-Evanġelju tiegħu. Minn qalbi nberikkom ilkoll.

* * *

Għeżież ħbieb żgħażagħ,

Għexna avventura flimkien.  Imsaħħin bil-fidi tagħkom fi Kristu, intom irreżistejtu għax-xita.  Qabel inħallikom nixtiqilkom ilkoll il-lejl it-tajjeb.  Strieħu sew.  Nirringrazzjakom tas-sagrifiċċju li qed tagħmlu u m’għandix dubju li toffruh b’qalb kbira lill-Mulej.  Nerġgħu naraw lil xulxin għada, jekk Alla jrid, fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.  Qed nistenniekom ilkoll.  Nirringrazzjakom tal-eżempju sabiħ li tajtu.  Bħalma ġara llejla, intom tistgħu, ma’ Kristu, tissaportu it-taqbid tal-ħajja.  Tinsewhiex din.  Nirringrazzjakom ilkoll.

Categories: Żgħażagħ
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: