Home > Żgħażagħ > Ħafna li jagħmlu lilhom infushom allat.

Ħafna li jagħmlu lilhom infushom allat.


ĊEREMONJA TA’ MERĦBA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ – DISKORS TAL-Q.T. L-PAPA BENEDITTU XVI

Plaza de Cibeles, Madrid  – Il-Ħamis, 18 t’Awwissu 2011

Għeżież Ħbieb,

Grazzi tal-kliem sbieħ indirizzati lili miż-żgħażagħ li qed jirrappreżentaw il-ħames kontinenti.  U nsellem bi mħabba lilkom ilkoll miġbura hawn, żgħażagħ mill-Oċeanja, l-Afrika, l-Amerka, l-Asja u l-Ewropa; u wkoll lil dak li ma setgħux ikunu hawn.  Jien dejjem inżommkom ħafna f’qalbi u nitlob għalikom.  Alla tani l-grazzja li narakom u nismagħkom mill-qrib u, waqt li miġburin flimkien, nisimgħu kelmtu.

Fil-qari li għadu kif ixxandrilna, smajna silta mill-Evanġelju li tgħidilna dwar kif għandna nilqgħu il-kliem ta’ Ġesù u ngħixuh.  Hemm kliem li jservu biss biex iwaqqfuna u li jgħaddu bħal żiffa ħafifa; oħrajn, sa ċertu punt, jagħtuna tagħrif; il-kliem ta’ Ġesù, mill-banda l-oħra, għandhom jidħlu f’qalbna, jifirxu għeruqhom u jinbtu hemm tul ħajjitna kollha.  Jekk ma jiġrix hekk, dawn il-kliem jibqgħu vojta u jsiru bħal duħħan.  Dawn ma jwassluniex għandu. U hekk Kristu jibqa’ ‘l bogħod, bħal leħen ieħor qalb tant ilħna oħrajn madwarna li issa tant drajnihom.  Aktar minn hekk, l-Imgħallem li qed jitkellem, jgħallem mhux dak li tgħallem mingħand ħaddieħor, imma dak li hu fih innifsu, il-waħdieni li tabilħaqq jaf it-triq tal-bniedem lejn Alla, għax hu nnifsu fetaħha għalina, hu stess ħoloqha għalina biex nistgħu nilħqu l-ħajja awtentika, ħajja li dejjem jixraq li ngħixu, f’kull ċirkostanza, u li lanqas il-mewt ma tista’ teqridha.  L-Evanġelju jkompli jfiehem dan bix-xbieha li tqanqlek ta’ xi ħadd li jibni fuq il-blat, li jegħleb il-mewġa t’attakki kontrih, f’kuntrast ma’ ħaddieħor li jibni fuq ir-ramel – f’lok li jidher qisu l-ġenna – iżda li jċedi mal-ewwel żiffa riħ u jispiċċa ħerba waħda.

Għeżież żgħażagħ, isimgħu sewwa l-kliem tal-Mulej, biex ikunu għalikom “spirtu u ħajja” (Ġw 6, 63), għeruq li jsostnu l-eżistenza tagħkom, regola ta’ ħajja li tqabbilna ma’ Kristu għax fqar fl-ispirtu, għatxana għall-ġistizzja, mimlijin ħniena, safja f’qalbna, nies li nħobbu l-paċi.  Isimgħuh kuljum bla waqfien, kif nagħmlu lil dak il-ħabib li ma jqarraqx bina, dak li miegħu nixtiequ naqsmu t-triq tal-ħajja.  Tafu tajjeb li meta ma nsegwux lil Kristu li jmexxina, nintilfu f’toroq oħra, bħal meta nagħmlu dak li jfettlilna fl-għama u l-egoiżmu, jew nintilfu wara dawk il-proposti li jħajruna imma li huma qarrieqa u inkosistenti, u jħallu vojt u frustrazzjoni warajhom.

Approfittaw ruħkom  minn dawn il-jiem biex issiru tafu lil Kristu aħjar u  fittxu li,  b’għeruqkom fih,  l-entużjażmu u l-ferħ tagħkom, ix-xewqa tagħkom li timxu ‘l quddiem, li tilħqu l-ogħla qċaċet, saħansitra lil Alla, għandhom fihom ġejjieni fis-sod, għax il-milja tal-ħajja diġà tinsab fikom.  Ħallu dik il-ħajja tikber permezz tal-grazzja divina, b’qalb kbira u bla medjokrità u ħudu bis-serjetà l-għan tagħkom li tilħqu l-qdusija.  U quddiem id-dgħufijiet tagħna li kultant jegħlbuna, inserrħu rasna mill-ħniena t’Alla li dejjem lest biex jagħtina jdejh u joffrilna l-maħfra fis-Sagrament tal-Qrar.

Jekk tibnu fuq il-blat samm, mhux biss ħajjitkom tkun soda u stabbli, imma tgħinu wkoll biex tirriflettu d-dawl ta’ Kristu fuq iż-żgħażagħ tamparkom u fuq il-bnedmin kollha, b’hekk tkunu qed toffru alternattiva valida lil dawk kollha li ntelqu għax is-sisien tagħhom ma kinux sodi; lil dawk kollha li jikkuntentaw biss billi jimxu wara l-moda, jistrieħu fuq is-sodisfazzjon immedjat u jinsew il-ġustizzja vera, jew li jserrħu biss fuq dak li jaħsbu huma minflok li jfittxu l-verità bla tidwir.

Tabilħaqq, hawn ħafna li jagħmlu lilhom infushom allat u jemmnu li m’għandhom bżonn l-ebda għeruq jew sisien barra minnhom infushom.  Jiddeċiedu weħidhom x’inhu veru jew le, x’inhu tajjeb jew ħażin, x’inhu ġust jew qarrieqi, min għandu jgħix u min għandu jiġi ssagrifikat f’isem għażliet oħra; jintelqu fuq id-destin, bla ebda direzzjoni ċara, u jħallu lilhom infushom jiddependu fuq dak li jfettlilhom dak il-ħin.  Dawn it-tentazzjonijiet dejjem hemm qegħdin.  L-importanti hu li ma naqgħux għalihom għax, tabilħaqq, iwasslu għal ħwejjeġ tabilħaqq vojta, bħal ħajja bla skop u libertà mingħajr Alla.  Aħna, mill-banda l-oħra, nafu sew li konna maħluqa ħielsa, fuq ix-xbieha t’Alla, propju biex inkunu fuq quddiem nett fit-tfittxija għall-verità u t-tjubija, responsabbli għal dak li nagħmlu, mhux inwettqu bl-amment dak li jordnawlna, imma ħaddiema kreattivi msejħa li nkabbru u nsebbħu l-ħolqien.  Alla qed ifittex lil min lest jiddiskuti b’responsabbiltà, xi ħadd li jista’ jidħol fi djalogu miegħu u jħobbu.  Permezz ta’ Kristu nistgħu verament nirnexxu u, mibnija fih, nittajru ħielsa.  Mhux dan hu l-għan ewlieni tal-ferħ tagħna?   Mhuwiex dan il-blat samm li fuqu għandna nibnu ċ-ċiviltà tal-imħabba u l-ħajja, li għandha l-ħila tagħti l-laqta umana lil kull bniedem?

Għeżież ħbieb, kunu prudenti u għaqlin, ibnu ħajjitkom fuq is-sisien sodi li hu Kristu.  Dawn l-għaqal u l-prudenza jmexxu l-passi tagħkom, xejn ma jbeżżagħkom u l-paċi ssaltan f’qalbkom.  Hekk tkunu mberkin u ferħanin, u l-ferħ tagħkom jittieħed mill-oħrajn.  Jibdew jistaqsu dwar x’jista’ jkun is-sigriet ta’ ħajjitkom u jagħrfu li l-ġebla tax-xewk li fuqha tistrieħ il-ħajja kollha tagħkom hi l-persuna ta’ Kristu, il-ħabib tagħkom, ħukom u l-Mulej, l-Iben t’Alla magħmul bniedem, dak li jagħti tifsira lill-univers.  Hu miet għalina lkoll, u qam biex aħna jkollna l-ħajja, u issa, mit-tron tal-Missier, hu għadu ħaj u qrib tal-bnedmin kollha waqt li jħares lil kull wieħed u waħda minna.

Nafda l-frott ta’ dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ lill-Imqaddsa Verġni Marija li qalet “iva” għar-rieda t’Alla, u tagħtina eżempju ewlieni tal-fedeltà lejn binha divin, li warajh imxiet sa mewtu fuq is-Salib.  Ejjew nimmeditaw aktar fil-fond dwar dan waqt kull stazzjon marul It-Triq tas-Salib.  U ejjew nitolbu biex bħalha l-“iva” tagħna lil Kristu llum tkun ukoll “iva” bla kundizzjonijiet għall-ħbiberija tiegħu, kemm fi tmiem din il-ġuranta u kemm tul ħajjitna kollha.  Grazzi ħafna.

Categories: Żgħażagħ
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: