Home > Żgħażagħ > It-Triq tas-Salib.

It-Triq tas-Salib.


IT-TRIQ TAS-SALIB – DISKORS TAL-Q.T. L-PAPA BENEDITTU XVI

Plaza de Cibeles, Madrid – Il-Ġimgħa, 19 t’Awwissu 2011

  

Għeżież Żgħażagħ,

Iċċelebrajna t-Triq  tas-Salib b’ħeġġa u devozzjoni, hekk kif imxejna wara Kristu matul  it-triq tal-passjoni u l-mewt tiegħu.  Il-kummentarji tal-Aħwa Ċkejkna tas-Salib, li jaqdu lill-fqar u lil dawk l-aktar fil-bżonn, għenuna nidħlu fil-misteru tas-salib glorjuż ta’ Kristu, li fih jinsab l-għerf tassew t’Alla li jiġġudika d-dinja u lil dawk li jqisu lilhom infushom għorrief (ara 1Kor 1,17-19).  Konna wkoll mgħejjunin f’dan il-vjaġġ għall-Kalvarju mill-kontemplazzjoni tagħna tax-xbihat mill-isbaħ meħuda mill-wirt reliġjuż tad-djoċesijiet ta’ Spanja.  F’dawn ix-xbihat, il-fidi u l-arti jingħaqdu flimkien biex jinfdu lil qalbna u jsejħulna għall-konverżjoni.  Meta  l-ħarsa tal-fidi hi bla mittiefsa u awtentika, il-ġmiel joffri ruħu għas-servizz tagħha, u jkollha l-ħila tpinġi l-misteri tal-fidwa tagħna b’tali mod li jqanqluna bis-sħiħ u jibdlulna qalbna, bħalma Sta. Tereża ta’ Ġesù nnifisha għexet waqt li kienet tikkontempla x-xbieha ta’ Kristu miġrugħ (ara L-Awtobijografija, 9:1)

Aħna u mixjin ma’ Ġesù lejn il-lok tas-sagrifiċċju tiegħu fuq l-Għolja tal-Kalvarju, jiġuna f’moħħna kliem San Pawl: “Kristu ħabbni u ta lilu nnifsu għalija”  (Gal. 2, 20).  Quddiem imħabba hekk altruista, insibu ruħna nistaqsu, mimlijin b’għaġeb u radd il-ħajr: X’nistgħu nagħmlu għalih? Xi tweġiba nistgħu nagħtuh? San Ġwann jagħtina tweġiba qasira u diretta: “B’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba: li Ġesù Kristu ta ħajtu għalina.  Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa” (1Ġw. 3,16).  Il-passjoni ta’ Kristu tħeġġiġna li nerfgħu fuq spallejna t-tbatijiet tad-dinja, għax nafu fiż-żgur li Alla mhux qiegħed  ‘il bogħod, jew imbiegħed mill-bniedem u t-twegħir tiegħu.  Bil-maqlub, hu sar wieħed minna “biex ibati mall-bniedem b’mod għal kollox reali – bil-ġisem u d-demm … għalhekk f’kull tbatija umana aħna għandna magħna wieħed li jgħix u jġorr dik it-tbatija magħna; hekk con-solatio hi preżenti f’kull  tbatija, il-wens tal-imħabba ħanina t’Alla – u għalhekk titla’ l-kewkba tat-tama” (Spe Salvi, 39)

Għeżież żgħażagħ, jalla l-imħabba ta’ Kristu għalina tkattrilkom is-sliem u tħeġġiġkom tfittxu lil min hu inqas ixxurtjat.  Intom miftuħin għall-ħsieb li taqsmu ħajjitkom mal-oħrajn, mela kunu żguri li ma tgħaddux min-naħa l-oħra quddiem it-tbatija, għax hu hawnhekk fejn Alla jistenniekom li tagħtu l-aħjar  tagħkom: il-ħila tagħkom li tħobbu u tħennu. Il-forom kollha ta’ tbatija li nfirxu quddiem għajejna matul din it-Triq tas-Salib huma l-mezz li Alla qed juża biex isejħilna ħalli ngħaddu ħajjitna nimxu fil-passi tiegħu u nsiru sinjali tal-ħniena u l-fidwa tiegħu.  “Li tbati ma’ ħaddieħor u għal ħaddieħor; li tbati għall-verità u l-ġustizzja; li tbati mqanqal mill-imħabba u biex issir bniedem li jħobb tabilħaqq – dawn huma s-sisien tal-umanità, u li jitwarrbu jwassal għall-qerda tal-bniedem innifsu” (ibid.).

Ejjew nilqgħu bil-ferħ dan it-tagħlim u ngħixuh.  Ejjew inħarsu lejn Kristu, imdendel mal-għuda ħarxa tas-salib, u nitolbuh jgħallimna dan l-għerf misterjuż  tas-Salib, li bih jgħix il-bniedem.  Is-Salib ma kienx sinjal ta’ telfa, imma espressjoni ta’ għotja personali li tinfirex sal-ogħla għotja li wieħed jagħti ħajtu stess.  Il-Missier ried juri mħabbtu għalina permezz tat-tgħanniqa ta’ Ibnu mislub: mislub għax ħabb.  Is-Salib, fil-forma u t-tifsira tiegħu, juri din l-imħabba kemm tal-Missier u kemm tal-Iben għall-bnedmin.  Hawn nagħrfu l-ikona tal-ogħla mħabba, li tgħallimna nħobbu dak li jħobb Alla u bil-mod kif iħobb hu: Din hi l-Aħbar it-Tajba li tagħti tama lid-dinja.

Ejjew issa ndawru ħarsitna lejn il-Verġni Marija, li ngħatat lilna fuq il-Kalvarju biex tkun Ommna, u nitolbuha li tagħtina l-qawwa, bil-ħarsien tagħha, fit-triq tal-ħajja, aktar u aktar waqt il-lejl tat-tbatija, biex ikollna l-ħila nibqgħu sodi, bħalha, f’riġlejn is-Salib.

Grazzi ħafna.

Ħajr lis-Ms Maria Pia Gauci li għamlet din it-traduzzjoni ta’ dan id-diskors.

Ħajr lill-Catholic Press Photo ta’ Ruma għar-ritratti.

Categories: Żgħażagħ
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: