Home > Żgħażagħ > Id-Diskors tal-Papa fl-ajruport ta’ Madrid.

Id-Diskors tal-Papa fl-ajruport ta’ Madrid.


ĊEREMONJA TA’ MERĦBA

DISKORS TAL-Q.T. L-PAPA BENEDITTU XVI

Ajruport Internazzjonali ta’ Madrid Barajas, Il-Ħamis, 18 t’Awwissu 2011

Majestà, Eminenza Arċisqof ta’ Madrid,  Eminenzi,
Għeżież Ħuti fl-Episkopat u s-Saċerdozju
Awtoritajiet Distinti Nazzjonali, tar-Reġjuni Awtonomi u Lokali,
Għeżież Ħuti Rġiel u Nisa ta’ Madrid u ta’ Spanja kollha,

Jien grat lejn il-Majestà Tiegħek għall-preżenza tiegħek flimkien mar-Reġina martek, għall-kliem ġentili u mimlijin rispett li bihom ilqajtuni, u li qajmu fija tifkiriet li ma jintesew qatt tal-ġentilezza  li rċevejt waqt il-Vjaġġi Appostoliċi li għamilt fi Spanja, u l-aktar waqt iż-żjara riċenti li għamilt f’Santiago de Compostela u f’Barċelona.  Insellem minn qalbi lilkom ilkoll miġburin hawn f’Barajas u dawk minnkom li qed issegwu dan l-avveniment minn fuq ir-radju u t-televiżjoni.  Tislima ta’ radd il-ħajr tmur lil dawk, kemm mill-kamp ekkleżjastiku u kemm dak ċivili, li b’impenn qawwi u b’dedikazzjoni taw sehemhom bl-isforzi u l-ħidma tagħħhom biex dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Madrid jimxi sew u jagħti ħafna frott.

B’qalbi kollha nixtieq ukoll nuri apprezzament għall-ospitalità li qed juru tant familji, parroċċi, skejjel u istituzzjonijiet oħra li qed jilqgħu żgħażagħ minn madwar id-dinja, l-ewwel fir-reġjuni u bliet diversi ta’ Spanja, u issa fil-belt kbira kosmopolitana ta’ Madrid li tant tilqgħek.

Jien ġejt hawn biex niltaqa’ ma’ eluf ta’ żgħażagħ minn madwar id-dinja, Kattoliċi impenjati għal Kristu li qed ifittxu l-verità li trid tagħtihom it-tifsira tassew tal-eżistenza tagħhom.  Qiegħed hawn bħala s-Suċċessur ta’ Pietru, ħalli insaħħaħhom ilkoll fil-fidi, waqt jiem ta’ attività pastorali qawwija, filwaqt li nxandrilhom li Ġesù Kristu hu t-triq, il-verità u l-ħajja; ħalli nqanqal l-impenn għall-bini tas-Saltna t’Alla fid-dinja; ħalli nħeġġeġ liż-żgħażagħ li jsiru jafu lil Kristu personalment bħala ħabib u hekk, filwaqt li jniżżlu għeruqhom fil-persuna tiegħu, isiru segwaċi fidili u xhieda kuraġġużi tiegħu.

Għaliex ġew f’Madrid dawn in-numru hekk kbir ta’ żgħażagħ?  Filwaqt li huma stess għandhom jagħtu t-tweġiba, ta’ min jissopponi li huma jixtiequ jisimgħu l-kelma t’Alla,  hekk kif il-motto ta’ dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ poġġilhom quddiemhom, b’tali mod li, imħawla u mibnija fi Kristu, ikunu jistgħu juru l-kobor tal-fidi tagħhom.

Ħafna minnhom semgħu l-leħen t’Alla, forsi biss minntaħt l-ilsien, li wassalhom biex ifittxuh b’aktar qawwa u jaqsmu ma’ ħaddieħor l-esperjenza tal-forza li għandu f’ħajjithom.  L-għarfien ta’ Alla ħaj inebbaħ liż-żgħażagħ u jiftħilhom għajnejhom għall-isfidi tad-dinja li qed jgħixu fiha, b’dak kollu li tista’ toffrilhom u bil-limitazzjonijiet tagħha.  Jinfetħulhom għajnejhom għas-superfiċjalità li qed taħkem, il-konsumeriżmu u t-telfa fil-pjaċiri, il-mod kif ma’ kullimkien qed jintilef il-valur tas-sesswalità, in-nuqqas ta’ solidarjetà, il-korruzzjoni.  Jafu li mingħajr Alla, se jkun iebes għalihom li jiffaċċjaw dawn l-isfidi u li jkunu hienja tabilħaqq, u għalhekk iferrgħu l-entużjażmu tagħhom fuq il-mixja lejn l-akkwist ta’ ħajja verament bis-sens.  Iżda b’Alla magħhom, huma jiksbu d-dawl biex
ikomplu mexjin, u r-rġuni biex ikomplu jittamaw, bla ħadd ma jżommhom, quddiem l-ogħla ideali tagħhom, li jqanqlu l-impenn ġeneruż tagħhom li jibnu soċjetà fejn id-dinjità umana u l-fraternità tassew ikunu rrispettati.  Hawn f’dan il-Jum għandhom l-opportunità li jgħaqqdu flimkien il-ħolm tagħhom, jaqsmu l-għana tal-kulturi u l-esperjenzi tagħhom, jimbuttaw lil xulxin matul it-triq tal-fidi u l-ħajja, li matula hemm uħud li jaħsbu li huma weħidhom jew imwarrbin fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Iżda mhumiex weħidhom.  Ħafna nies tal-istess età għandhom l-istess ħolm, u filwaqt li jintelqu għal kollox fi Kristu, jafu li għandhom tabilħaqq ġejjieni li qed jinfirex quddiemhom u ma jibżgħux mill-impennji deċiżivi li jimlewlhom il-ħajja sħiħa tagħhom.  Hu għalhekk li nitgħaxxaq nismagħhom, nitlob magħhom, u niċċelebra l-Ewkaristija magħhom. Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ iwasslilna aħbar ta’ tama bħal żiffa żagħżugħa bla mittiefsa, bi fwieħa li tagħti ħajja ġdida li timliena bit-tama fil-ġejjieni tal-Knisja u tad-dinja.

Bla dubju, id-diffikultajiet ma jonqsux.  Hemm taqtigħ il-qalb u konflitti bla waqfien mad-dinja kollha, saħansitra tixrid ta’ demm. Il-ġustizzja u l-valur ewlieni tal-persuna umana huma faċilment imjassra mill-interessi egoisti, materjalisti u ideoloġici.  In-natura u l-ambjent, maħluqa minn Alla b’tant imħabba, mhumiex rispettati.  Aktar minn hekk, ħafna żgħażagħ iħarsu lejn il-ġejjieni b’taqtigħ il-qalb jew għax qed ifittxu x-xogħol, jew għax tilfu x-xogħol, jew għax ix-xogħol li għandhom hu perikoluż jew inċert.  Hemm oħrajn li jeħtieġu l-għajnuna jew biex jaħarbu mid-droga jew biex ifiequ minnha. Saħansitra hemm uħud li, minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu, qed ibatu diskriminazzjoni li twassal għal stmerrija u persekuzzjoni, fid-dieher jew fil-moħbi, f’diversi reġjuni u pajjiżi.  Qed jiġu mġegħla jgħaddu mingħajru billi jiġu mċaħħda minn xbihat li juru l-preżenza tiegħu fil-ħajja pubblika, u ma jitħallewx ilissnu l-isem qaddis tiegħu.  Imma, b’qalbi kollha, għal darba oħra, ngħid lilkom iż-żgħażagħ: tħallu xejn u lil ħadd jisirqilkom is-sliem; tistħux turu li intom tal-Mulej.  Hu ma ħelishiex lilu nnifsu milli jsir wieħed bħalna u milli jgħix it-taqtigħ ta’ qalb tagħna biex jerfgħu lejn Alla, u b’dan il-mod jifdina.

F’dan ir-rigward, is-segwaċi żgħażagħ ta’ Ġesù għandhom isibu l-għajnuna biex jibqgħu sħaħ fil-fidi u jħaddnu l-avventura sabiħa li jxandruha u jkunu xhieda tagħha fil-beraħ b’ħajjithom.  Xhieda qalbiena u mimlija mħabba għal ħuthom, determinati u fl-istess waqt prudenti, u bla ma jaħbu l-identità Nisranija tagħhom, jgħixu flimkien ma’ nies ta’ għażliet leġittimi oħra fi spirtu ta’ rispett filwaqt li jitolbu li l-għażliet personali tagħhom ikunu rispettati kif jixraq.

Majestà, filwaqt li ntenni r-radd il-ħajr tiegħi għall-merħba ġentili li tajtuni, min-naħa tiegħi nixtieq nesprimi l-istima u l-qrubija tiegħi lejn il-popli kollha ta’ Spanja, kif ukoll l-ammirazzjoni tiegħi għal art tant għanja fl-istorja u l-kultura permezz tal-qawwa tal-fidi tagħha, li wriet ruħha f’numru hekk kbir ta’ qaddisin matul is-sekli, f’numru hekk kbir ta’ rġiel u nisa li, waqt li ħallew xtuthom, wasslu l-Evanġelju f’kull rokna tad-dinja, u f’nies imxerrda mal-pajjiż kollu li jgħixu l-moralità, is-solidarjetà u s-sewwa.  Hu teżor kbir li għandu jiġi mħares b’mod konkret għall-ġid komuni ta’ llum u biex joffri orizzont imdawwal għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.  Għalkemm bħalissa hemm raġunijiet għal tħassib, l-akbar wieħed fosthom hu x-xewqa għat-titjib tal-qagħda tal-Ispanjoli kollha, b’dak l-istess dinamiżmu li jikkaratterizzahom u li fih l-għeruq Insara fondi u tant għammiela tagħhom taw sehem hekk qawwi matul is-sekli.

Minn dan il-lok jien inwassal it-tislima tiegħi lilkom ilkoll, ħbieb fi Spanja u f’Madrid, u lilkom ilkoll minn ġnus oħra.  Matul dawn il-jiem li ġejjin se nkun magħkom, filwaqt li nżomm f’moħħi liż-żgħażagħ kollha tad-dinja, l-aktar dawk li għaddejjin minn xi forma ta’ nkwiet.  Waqt li nafda din il-Laqgħa fil-qalb tal-Verġni Marija u tal-qaddisin patruni ta’ dan il-Jum, nitlob lil Alla li jbierek u jħares lil ulied Spanja.
Grazzi ħafna.

Ħajr lis-Ms Maria Pia Gauci li għamlet din it-traduzzjoni ta’ dan id-diskors.

Ħajr lill-Catholic Press Photo ta’ Ruma għar-ritratti.

Categories: Żgħażagħ
  1. Sr. Mariella Agius rscj
    August 29, 2011 at 9:43 am

    Ghal dan il-ghan ser niltaqghu kull l-ewwel Hadd tax-xahar fil-Kunvent tas-Sacred Heart San Giljan. (Hdejn Casa Leone) Sacred Heart Avenu 1433 Tel 99478645 jew 79478645
    Nibdew fid-9.00a.m. bil-quddiesa u nispiccaw f’nofsinhar. Narakom nhar il-Hadd li gej
    Sr. Mariella Agius rscj
    Ghal iktar informazzjoni ara l-advert fil-homepage tal-laikos
    Ara l-programm tal-irtiri billi tikklikkja hawn …>

  2. C. Farrugia
    August 27, 2011 at 8:25 am

    Nixtieq inheggeg hafna lill-ghaqdiet kollha taz-zghazagh li huma fi hdan il-Knisja f’Malta biex ma jhallux din l-esperjenza tremenda tintilef. Ghinuna biex dak li hadna ahna f’Madrid, jkollna l-opportunita’ naqsmuh ma l-ohrajn. Qed nissugerixxi li l-KDZ, iz-ZAK etc jinghaqdu flimkien biex jaghmlulna follow up, ghalina li konna hemm u ghal dawk kollha li ma setghux ikunu maghna. Ma jkun jiswa jghix li din tkun esperjenza li ghaddiet u nsejna.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s