Home > Żgħażagħ > “Grazzi kbira għall-merħba tal-għaġeb li tajtuni.” Benedittu XVI

“Grazzi kbira għall-merħba tal-għaġeb li tajtuni.” Benedittu XVI


ĊEREMONJA TA’ MERĦBA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

DISKORS TAL-BIDU TAL-Q.T. L-PAPA BENEDITTU XVI 

Plaza de Cibeles, Madrid, il-Ħamis, 18 t’Awwissu 2011

Għeżież Ħbieb Żgħażagħ,

Hu ta’ ferħ kbir għalija li niltaqa’ magħkom hawn fil-qalba tal-belt sabiħa ta’ Madrid, li ċ-ċwievet tagħha ġew ġentilment ippreżentati lili mis-Sindku.  Illum Madrid hi wkoll il-belt kapitali taż-żgħażagħ tad-dinja, u l-ħarsa tal-Knisja kollha hi mdawra fuqha.  Il-Mulej ġabarna flimkien hawnhekk biex matul dawn il-jiem li ġejjin nistgħu ngħixu l-ġmiel tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Bis-saħħa tal-preżenza u s-sehem tagħkom f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, l-isem ta’ Kristu se jidwi madwar din il-Belt kbira.  Ejjew nitolbu biex il-messaġġ ta’ tama u mħabba jidwi wkoll fil-qalb ta’ dawk li ma jemmnux jew li tbegħdu mill-Knisja.  Grazzi kbira għall-merħba tal-għaġeb li tajtuni kif dħalt fil-Belt, bħala sinjal tal-imħabba u l-qrubija tagħkom lejn is-Suċċessur ta’ Pietru.

Insellem lill-Kardinal Stanisław Ryłko, President tal-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi, u lill-ħaddiema ta’ dak il-Kunsill, b’radd il-ħajr għall-ħidma kollha li wettqu.  Irrodd ħajr ukoll lill-Kardinal Antonio María Rouco Varela, l-Arċisqof ta’ Madrid, għall-kliem ġentili tiegħu u għall-isforzi mwettqa mill-Arċidjoċesi tiegħu flimkien mad-Djoċesijiet ta’ Spanja, fit-tħejjija għal dan Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ; ir-radd il-ħajr tiegħi jmur ukoll lejn il-ħafna Knejjes Lokali madwar id-dinja li b’qalb kbira taw sehemhom fit-tħejjija għalih.  Nesprimi apprezzament lejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għall-preżenza u l-għajnuna bil-qalb tagħhom biex jiżguraw l-organizzazzjoni tajba ta’ dan l-avveniment.  Radd il-ħajr kbir ukoll imur għal ħuti l-Isqfijiet, saċerdoti u seminaristi, l-irġiel u n-nisa kkonsagrati u l-fidili kollha hawn preżenti llum, li lkoll għenu billi ħejjew liż-żgħażagħ biex jgħixu dawn il-jiem qawwija ta’ mixja lejn laqgħa ma’ Kristu.  Lilkom ilkoll noffri tislima mill-qalb fil-Mulej, u ntenni li hi barka kbira għalija li nkun hawn magħkom.  Jalla l-fjamma tal-imħabba ta’ Kristu tibqa’ tħeġġeġ f’qalbkom.

[Franċiż] – Għeżież żgħażagħ ta’ lsien Franċiż, weġibtu għas-sejħa tal-Mulej li tiġu u tiltaqgħu miegħu f’Madrid f’numru kbir.  Nifirħilkom għal dan!  Merħba għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ! Ġibtu magħkom mistoqsijiet profondi, u qed tfittxu tweġibiet.  Dejjem hi ħaġa tajba li tibqgħu tfittxu.  Fuq kollox, fittxu l-Verità, li mhix idea jew ideoloġija jew kliem popolari, imma persuna: Kristu, Alla nnifsu, li ġie fostna!  Bir-raġun intom tixtiequ tħawlu l-fidi tagħkom fih, li ssejsu ħajjitkom fuq Kristu. Hu dejjem ħabbkom u jafkom aktar minn kull ħadd ieħor.  Jalla dawn il-jiem hekk għonja fit-talb, tagħlim u laqgħat jgħinukom tagħrfuh mill-ġdid, biex tħobbuh dejjem iżjed.  Jalla Kristu jimxi magħkom matul dan iż-żmien speċjali li fih, ilkoll flimkien, ngħannu t-tifħir tiegħu u
noffrulu t-talb tagħna!

[Ingliż]  – Inwassal tislima ta’ mħabba lill-ħafna żgħażagħ ta’ lsien Ingliż li ġew Madrid.  Jalla dawn il-jiem ta’ talb, ħbiberija u ċelebrazzjoni jressquna eqreb lejn xulxin u lejn il-Mulej Ġesù.  Agħmlu t-tama tagħkom fil-kelma ta’ Kristu s-sisien ta’ ħajjitkom!  Imħawla u mibnija fih, sodi fil-fidi u miftuħa għall-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, intom issibu postkom fil-pjan t’Alla u tagħnu lill-Knisja bid-doni tagħkom.  Ejjew nitolbu għal xulxin, biex inkunu xhieda ferrieħa ta’ Kristu, illum u dejjem. Alla jberikkom ilkoll!

[Ġermaniż] – Għeżież ħbieb ta’ lsien Ġermaniż!  Insellmilkom ilkoll bi mħabba kbira.  Jien kuntent li ġejtu f’numru hekk kbir. Matul dawn il-jiem irridu flimkien nistqarru l-fidi tagħna f’Ġesù  Kristu, inkattru dik il-fidi u nxerrduha.  Ejjew nagħrfu dejjem mill-ġdid li Ġesù hu dak li jagħti l-veru tifsira lil ħajjitna.  Ejjew niftħu qalbna għal Kristu.  Jalla jagħtina lkoll żmien ta’ hena u barka hawn f’Madrid.

[Taljan] – Għeżież żgħażagħ Taljani!  Insellmilkom bi mħabba kbira u jien kuntent li tant minnkom ġejtu hawn, mimlijin bl-hena tal-fidi.  Għixu dawn il-jiem fi spirtu ta’ talb u fraternità qawwija, biex tixhdu għall-vitalità tal-Knisja fl-Italja, il-parroċċi, l-gruppi u l-movimenti tagħha.  Aqsmu dan l-għana ma’ kulħadd. Grazzi!

[Portugiż] – Għeżież żgħażagħ tal-pajjiżi differenti li għandhom il-Portugiż bħala l-ilsien uffiċjali tagħhom, u dawk kollha li ġew magħkom, merħba f’Madrid!  Insellmilkom ilkoll bi ħbiberija u mħabba u nistedinnkom toqorbu lejn l-għajn eterna taż-żgħożija tagħkom u tagħrfu lill-protagonist assolut ta’ dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u – nittama – ta’ ħajjitkom: Kristu l-Mulej.  F’dawn il-jiem intom personalment se tisimgħu kelmtu tidwi.  Ħallu din il-kelma tidħol f’qalbkom, ħalluha xxenxel għeruqha fikom, u agħmluha s-sisien ta’ ħajjitkom.  Sodi fil-fidi, intom tkunu ħolqa fil-katina ta’ nies ta’ twemmin.  Ħadd ma jista’ jemmen bla ma jkun mgħejjun bil-fidi tal-oħrajn, u bil-fidi tiegħi jien ukoll ngħin il-fidi tal-oħrajn.  Il-Knisja teħtieġkom, u intom teħtieġu lill-Knisja.

[Pollakk] –  Insellem liż-żgħażagħ li ġejjin mill-Polonja, ġens il-Beatu Ġwanni Pawlu II, il-fundatur tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Jien ferħan ħafna bil-preżenza tagħkom hawn f’Madrid!  Nitlob li dawn ikunu jiem sbieħ, jiem ta’ talb, li matulhom issaħħu r-relazzjoni tagħkom ma’ Ġesù.  Jalla l-Ispirtu tal-Mulej imexxikom.

Ħajr lis-Ms Maria Pia Gauci li għamlet din it-traduzzjoni ta’ dan id-diskors.

Ħajr lill-Catholic Press Photo ta’ Ruma għar-ritratti.

Categories: Żgħażagħ
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: