Home > Pastorali, Spiritwalità > Is-Saċerdot, Ministru tal-Ħniena Divina

Is-Saċerdot, Ministru tal-Ħniena Divina


Il-Vatikan ippubblika dokument bit-titlu “Is-Saċerdot, Ministru tal-Ħniena Divina – għajnuna għall-Konfessuri u d-Diretturi Spiritwali”. Dan id-dokument kien imħejji mill-Kongregazzjoni għall-Kleru bil-firma tal-Kardinal Mauro Piacenze, il-Prefett tal-Kongregazzjoni.

Fl-introduzzjoni għal dan id-dokument, il-Kardinal ifakkar fil-kliem tal-Papa Benedittu XVI lill-Konfessuri fis-Sena tas-Saċerdoti: “Hemm bżonn immorru lura għall-konfessjonarju li fih niċċelebraw is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, iżda wkoll bħala l-post li fih il-fidili jistgħu jsibu aktar ta’ spiss il-kumpassjoni, il-parir u l-faraġ, waqt li jħossu li huma maħbuba u mifhuma minn Alla u jesperjenzjaw il-preżenza tal-Ħniena Divina flimkien mal-Preżenza Reali fl-Ewkaristija”.

Il-Kardinal kompla: “Flimkien maċ-ċelebrazzjoni ta’ kuljum tal-Ewkaristija, is-saċerdot għandu jkun lest biex jisma’ l-qrar sagramentali, jilqa’ l-penitenti; jakkumpanjahom spiritwalment meta dawn jitolbu, għaliex dan huwa l-mod kif wieħed iqis il-karità pastorali tas-saċerdot. Meta jkunu disposti jagħmlu dan, is-saċerdoti jagħtu xhieda ferriħija u f’ċertu sens juru l-identità vera tagħhom, kif ifissirha s-Sagrament tal-Ordni Sagri u mhux jirriduċuha għal sempliċi funzjonalità”.

IL-VALUR TAL-QRAR SAGRAMENTALI

Wara l-introduzzjoni, id-dokument fl-ewwel parti jispjega l-Penitenza u r-Rikonċiljazzjoni fi sfond tal-qdusija nisranija u l-importanza tal-prattika tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni fil-bidu ta’ dan it-tielet millennju. Il-prattika ta’ dan is-sagrament tixhed il-livell tal-evanġelizzazzjoni kemm tal-individwu kif ukoll tal-komunità.

Fil-pjanijiet pastorali tagħha, il-Knisja tiżbalja jekk tnaqqas il-valur tal-qrar sagramentali li huwa l-għajn tar-rikonċiljazzjoni, tal-paċi u l-ferħ tal-midneb li jkun jeħtieġ il-ħniena tal-Mulej u l-fejqan mill-weġgħat tad-dnub.

Id-dokument jinsisti li anki t-tfal, minkejja l-innoċenza tagħhom, għandhom jagħmlu esperjenza tal-maħfra ta’ Alla sa miċ-ċokon.

Hija l-qrara ċara, sempliċi u integrali, flimkien mal-assoluzzjoni, it-triq ordinarja għall-fidili biex jirrikonċiljaw ruħhom ma’ Alla u mal-Knisja, sakemm fiżikament jew moralment ikun impossibbli għalihom li jagħmlu dan. Il-qrar frekwenti tad-dnubiet venjali huwa sinjal tax-xewqa sinċiera għall-perfezzjoni.

Id-dokument jinsisti li dawk li għandhom il-kura tal-erwieħ, huma obbligati li jagħmlu mod li l-fidili jsibuhom meta għandhom bżonnhom. Il-konfessuri għandhom ikunu viżibbilment fil-knejjes, u anki waqt il-konċelebrazzjonijiet, xi saċerdoti ma għandhomx jikkonċelebraw biex ikunu jistgħu jqarru lin-nies. Is-saċerdot fil-qrar huwa ragħaj, kunsillier, għalliem, imħallef spiritwali u dak li jagħti l-fejqan spiritwali.

Fit-tieni parti, id-dokument juri kif il-ministeru tad-direzzjoni spiritwali jgħin għall-qdusija tal-fidili f’kull stat ta’ ħajja. Is-seminaristi fit-tħejjija tagħhom għas-saċerdozju, għandhom jiġu ffurmati permezz tad-direzzjoni spiritwali biex isewgu lill-Mulej bil-ġenerożità tal-ispirtu u s-safa tal-qalb. Anki s-saċerdot fil-ministeru tiegħu għandu jfittex id-direzzjoni spiritwali biex jiddixxerni r-rieda ta’ Alla fil-missjoni tiegħu u fil-ħajja ta’ kuljum.

Id-dokument jinsisti fuq il-bżonn li d-direttur spiritwali jilqa’ bil-ferħ lil dawk li jfittxu l-għajnuna tiegħu u jismagħhom bil-paċenzja. Huwa jrid juri rispett profond għall-kuxjenza ta’ dawk li jfittxu s-servizz tiegħu u jassistihom biex fid-dawl ta’ Alla jaqdu dmirijiethom b’mod responsabbli.

Fil-każ tal-persuni kkonsagrati, id-diretturi spiritwali jridu jifhmu li r-reliġjużi kollha għandhom post speċjali fid-dar tal-Mulej u jistħoqqilhom kura speċjali fil-progress spiritwali tagħhom għall-ġid tal-Knisja kollha.

Fil-każ tal-lajċi, id-diretturi spiritwali jridu jgħinuhom biex jagħrfu jagħtu sehemhom fil-missjoni tal-Knisja kif ukoll ikunu preżenti u jagħtu s-sehem tagħhom fl-ordni temporali.

Id-dokument jikkonkludi billi jfakkar li r-riforma  fil-ħajja tal-Knisja teħtieġ nota ta’ tama. Ifakkar dak li kien qal il-Papa Ġwanni Pawlu II dwar rebbiegħa ġdida tal-Knisja. Huwa kien qal li qatt daqs qabel, il-Knisja m’għandha l-opportunità li twassal il-Vanġelu lill-poplu u n-nazzjonijiet kollha bix-xhieda u l-kelma u biex l-Insara kollha jwieġbu bil-ġenerożità u l-qdusija għall-isfidi ta’ żminijietna.

Categories: Pastorali, Spiritwalità
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: