Vatikan, 27 Jannar 2012:
“F’partijiet kbar tad
-dinja l-fidi għaddejja mill-periklu li tintefa bħal fjamma li qed jispiċċalha il-fjuwil. Qegħdin niffaċċjaw kriżi profonda ta’ fidi u telfien tas-sens reliġjuż, u dan huwa l-akbar sfida għall-Knisja llum.
“Għalhekk it-tiġdid tal-fidi irid ikun il-prijorità fl-impenn tal-Knisja kollha fi żminijietna. Nittama li s-Sena tal-Fidi, bil-kollaborazzjoni mill-qalb ta’ dawk kollha li jiffurmaw il-Poplu ta’ Alla, tkun tista’ tikkontribwixxi biex terġa tagħmel lil Alla preżenti mill-ġdid f’din id-dinja u biex tiftaħ għall-bnedmin l-aċċess għall-fidi u għall-fiduċja f’dak Alla li ħabbna sa l-aħħar, f’Ġesù Kristu msallab u rxoxt.”
Minn diskors li l-Papa Benedittu XVI għamel lill-parteċipanti fil-laqgħa plenarja tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi. Ġimgħa 27 ta’ Jannar 2012.
Taħseb li bħala nisrani/ja, inti tista’ tagħmel xi ħaġa biex din il-fjamma tal-fidi ma tintefiex?
- Fil-familja tiegħek…
- Fuq il-post tax-xogħol…
- Fil-ħanut mnejn tixtri…
- Mal-ġirien u mal-ħbieb…
- Fil-parroċċa jew fl-għaqda li tattendi…
- Fil-Knisja, mhux biss dik tal-ġebel, imma wkoll dik ħajja…
Iktbilna …>
Is-Sena 2012 – Lejn it-tmiem jew lejn bidu ġdid?
Is-sena li għadna kif bdejna, ilha fuq fomm bosta, l-aktar fil-mezzi tal-media sa minn bosta xhur ilu. Kien hemm min interpreta kitbiet antiki biex wasal għall-konklużjoni li tmiem id-dinja hu fil-qrib, eżattament fil-21 ta’ Diċembru 2012. Oħrajn ma qablux u insistew li l-istess kitbiet ma jħabbrux it-tmiem, imma propju il-bidu ta’ żmien ġdid.
Personalment naħseb li lil bosta persuni, il-logħob bin-numri jimmeraviljhom. Forsi għaliex fin-numri ta’ din id-data, 20.12.2012, jilmħu ċertu faxxinu, allura ħasbu li bilfors irid ikun fihom tifsira speċjali, xi kataklażmu straordinarja jew it-twelid ta’ era ġdida. Minn jaf x’għad iridu jivvintaw għad-data 21.12.2112. Imma sa dakinhar ħafna minna ma jkunux hawn.
Dan kollu, lil uħud iffakkarhom f’dak li suppost kellu jseħħ fil-bidu tas-sena 2000. Imbagħad qalulna li mhux fil-bidu tagħha, imma fi tmiemha. Għal dawk li bħali għandhom ċerta età, jfakkarhom ukoll fit-tliet ijiem tad-dlam, li kellu jkollna fl-1960.
Read more…
Twemmin u Fidi l-istess?
Meta nitkellmu jew nisemgħu oħrajn jitkellmu dwar dan is-suġġett spiss nintebħu li aktarx ma nagħmlux differenza bejn “twemmin” u “fidi”; dak li bl-Ingliż insejħulhom “belief and faith”.
Jista’ jkun …
- li meta nużaw il-kelma “fidi” aktarx inkunu rridu nfissru “twemmin”?
- li b’fidi spiss nifhmu dik il-lista ta’ dawk il-veritajiet li li tgħallimna fil-klassijiet tar-reliġjon?
- li t-twemmin tagħna huwa biss att intelletwali u xejn aktar minn hekk?
- li f’dan is-sens it-twemmin jista’ jwassal jew forsi ġieli wassal għal ideoloġiji li jkunu wkoll il-kawża ta’ firda, ġlied u gwerrer.
Mill-banda l-oħra, fid-dokument Porta Fidei il-Papa Benedittu XVI jitkellem dwar …
- il-ferħ tal-fidi u l-entużjażmu biex wieħed jikkomunikha lill-oħrajn;
- fidi li tikber meta ngħixuha bħala esperjenza ta’ l-imħabba li rċevejna u meta nikkomunikawha bħala esperjenza ta’ grazzja u ferħ;
- fidi li twassalna biex nagħtu l-frott, għax twessa` ‘l qalbna bit-tama u tagħmilna kapaċi nagħtu xhieda li tagħti l-ħajja;
- fidi li tiftaħ il-qalb u l-moħħ ta’ dawk li jisimgħu u jwieġbu għal-istedina tal-Mulej biex jisimgħu kelmtu u jsiru dixxipli tiegħu.
Madankollu il-Papa jitkellem ukoll dwar l-importanza tat-twemmin u l-verità tal-fidi u jgħid li l-fidi tikber u tissaħħaħ biss billi nemmnu. Jikteb li ma hemmx possibiltà oħra biex inkunu ċerti għajr dik li nintelqu dejjem aktar f’idejn l-imħabba li l-għajn tagħha hu Alla.
U inti x’taħseb li huwa meħtieġ fil-Knisja f’Malta biex it-twemmin tagħna jimmatura f’fidi vera?
X’hemm bżonn biex minflok jiddeġenera f’ideoloġija, it-twemmin ikun dak li jwassal li min jemmen f’relazzjoni, mhux ma’ sett ta’ veritajiet imma mal-persuna ta’ Ġesù Kristu?
Wara kollox il-fidi tiegħna mhix f’lista ta’ dommi imma fil-persuna ta’ dak li fih nilmħu l-istess Alla.
Iktbilna. Napprezzaw ħafna l-kummenti tiegħek.
Kummenti Riċenti