Archive

Archive for October, 2011

Ittra Appostolika dwar is-Sena tal-Fidi.

October 28, 2011 4 comments

Ittra Apostolika  mill-Papa Benedittu XVI – Porta Fidei (Il-Bieb tal-Fidi)

Minn-Leħen is-Sewwa,  Sibt 22 ta’ Ottubru 2011

Nhar it-Tnejn, 17 ta’ Ottubru, il-Papa Benedittu XVI ippubblika l-Ittra Apostolika Porta fidei (Il-Bieb tal-fidi) li biha istitwixxa s-Sena tal-Fidi li se tibda f’Ottubru 2012 u tintemm fl-24 ta’ Novembru, 2013. F’Ottubru, 2012 se titlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet li se tittratta dwar “L-Evanġelizzazzjoni Ġdida fit-trasmissjoni tal-Fidi Nisranija”.

Fid-dokument tiegħu, il-Papa jistqarr li qiegħed jistitwixxi din is-Sena tal-Fidi bi tweġiba għall-kriżi profonda tal-fidi li affettwat lil ħafna nies u ħalliethom ifittxu tweġibiet. “Sa mill-bidu tal-ministeru tiegħi bħala Suċċessur ta’ San Pietru”, kiteb il-Papa, “tkellimt fuq il-bżonn li nerġgħu niskopru l-vjaġġ tal-fidi sabiex iwasslilna b’mod aktar ċar id-dawl fuq il-ferħ u l-entużjażmu   mġedded tal-laqgħa tagħna ma’ Kristu.”

Read more…

Categories: Pastorali

Is-Sena tal-Fidi – 2012-2013.

October 28, 2011 Leave a comment

Il-Papa Benedittu XVI ħabbar “Is-Sena tal-Fidi” 2012-2013

Minn-Leħen is-Sewwa, Sibt 22 ta’ Ottubru 2011

Nhar il-Ħadd, 16 ta’ Ottubru, waqt li mexxa quddiesa f’San Pietru fit-tmiem tal-Assemblea Internazzjonali organizzata mill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida, il-Papa Benedittu XVI ħabbar is-Sena tal-Fidi li se tiġi ċċelebrata mit-12 ta’ Ottubru 2012 sal-24 ta’ Novembru 2013. Huwa ħabbar ukoll li dalwaqt se jippubblika Ittra Appostolika biex jispjega l-iskop ta’ din is-sena u l-inizjattivi li se jittieħdu għall-Evanġelizzazzjoni Ġdida. Is-Sena tal-Fidi se tibda f’għeluq il-50 sena mill-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II u t-tmiem tagħha ikun fil-festa ta’ Kristu Re.

“Evanġelizzaturi ġodda għall-Evaġelizzazzjoni Ġdida: il-Kelma t’Alla tikber u tixtered.” Din kienet it-tema tal-Assemblea Internazzjonali organizzata f’Ruma mill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida nhar is-Sibt u l-Ħadd, 15 u 16 ta’ Ottubru. Għal din l-Assembea Internazzjonali attendew mat-8,000 rappreżentant minn diversi gruppi u movimenti tal-Knisja involuti fl-evanġelizzazzjoni minn madwar id-dinja.

L-istess Arċisqof Mons. Rino Fisichella, President tal-Kunsill Pontifiċju, stqarr li l-missjoni tal-Knisja dejjem kienet l-evanġelizzazzjoni, u din ilha sejra għal aktar minn 2,000 sena. Huwa insista li llum il-Knisja jeħtieġ issib lingwaġġ ġdid u stil ta’ ħajja ġdida b’evanġelizzazzjoni li jkollhom sehem profond tas-sħubija tagħhom fil-Knisja u l-komunità Nisranija li fl-istess waqt li jkunu miftuħa għal oħrajn.

Nhar is-Sibt, 15 ta’ Ottubru, filgħodu delegati ltaqgħu fis-Sala Tas-Sinodu. Fid-diskors tal-ftuħ l-Arċisqof Fisichella ħeġġeġ biex niftħu beraħ il-bibien u nerġgħu nibdew inħabbru l-qawmien ta’ Kristu. Huwa appella għal azzjoni pastorali aktar innovattiva fl-oqsma tal-kultura, tal-migrazzjoni, tal-komunikazzjoni, tal-familja, tal-liturġija, tal-politika u tal-pastorali ordinarja fil-parroċċi.

Wara tkellmu Don Julian Carron, President tal-Fraternità tal-Communione e Liberazione dwar l-evanġelizzazzjoni tal-kultura; Il-professur Adriano Roccucci tal-Comunità di S. Egidio dwar l-immigrazzjoni; il-Brażiljana Luzia de Assis Santiago dwar l-impenn nisrani fil-media, Kiko Arguello tal-Mixja Neokatekumenali dwar l-importanza tal-familja fit-trasmissjoni tal-fidi; Jean-Luc Moens tal-Communantè dell’Emmanuel dwar il-Liturġija ħajja; Salvatore Martinej tat-Tiġdid Kariżmatiku dwar l-impenn nisrani fil-ħajja pubblika u Don Pigi Perini dwar il-Pastorali fiċ-ċelluli parrokkjali ta’ evanġelizzazzjoni. Franco Miano tal-Azzjoni Kattolika Taljana
dwar l-għaqda bejn il-movimenti tal-Knisja u l-Arċisqof ta’ Washington, Donald Wuerl, dwar il-bżonn ta’ fidi qawwija fl-evanġelizzaturi.

Filgħaxija, id-delegati ltaqgħu fis-Sala Pawlu VI fejn ġew indirizzati minn Madre Veronica Berzosa, fundatur tal-Jesu Communio fi Spanja, mill-ġurnalist u kittieb Vittorio Messori li tkellem dwar il-fidi u r-raġuni, mix-xjenzjat Marco Bersanelli dwar ix-xjenza u l-fidi u mill-Isqof Kolombjan Fabio Suescun Mutis dwar l-evanġelizzazzjoni ġdida fl-Amerika Latina.

Aktar tard, id-delegati ġew indirizzati mill-Papa Benedittu XVI. Fid-diskors tiegħu, il-Papa fakkar li s-soċjetà moderna għad għandha għatx għal Alla bħalma kellha 2,000 sena ilu. Huwa qal li l-bniedem modern ta’ spiss huwa konfuż u ma jistax isib tweġibiet għal ħafna mistoqsijiet li jinkwetawh dwar it-tifsir tal-ħajja u għalhekk iħoss ruħu insodisfatt.

Il-Papa sostna li l-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida twaqqaf bl-iskop li nerġgħu nevanġelizzaw il-pajjiżi tradizzjonalment Insara li ġew effettwati mis-sekularizzazzjoni. Huwa wissa li minkejja l-indifferenza u l-persekuzzjoni, għad hawn ħafna li lesti jiftħu qalbhom u moħħhom biex jaċċettaw l-istedina ta’ Ġesù.

Wara sar kunċert minn Andrea Bocelli b’waqtiet ta’ talb u ta’ esperjenzi minn diversi delegati dwar il-ħidma missjunarja li qegħdin iwettqu fil-parroċċi tagħhom.

L-għada, il-Ħadd, 16 ta’ Ottubru, f’omelija li għamel lid-delegati waqt quddiesa f’San Pietru, qal li t-teoloġija tal-istorja hija aspett importanti u essenzjali fl-evanġelizzazzjoni ġdida. Dan għaliex in-nies ta’ żmienna, wara l-istaġun ikrah tal-imperi totalitarji tas-seklu 20, għandhom bżonn jerġgħu jagħtu ħarsa vera u paċifika fuq id-dinja kif kien għamel il-Konċilju Vatikan II u kif għamlu l-predeċessuri tiegħu.

Huwa qal li l-Knisja ma tridx tfakkar biss id-distinzjoni ġusta bejn il-qasam tal-awtorità ta’ Ċesari u dik ta’ Alla, bejn il-qasam tal-politika u dak tar-reliġjon. Il-Papa sostna li l-missjoni tal-Knisja, bħal dik ta’ Kristu,
hija essenzjalment dik li titkellem dwar Alla u tfakkar fis-sovranità tiegħu. Hija twissi lill-bnedmin, speċjalment lill-Insara li tilfu l-identità tagħhom, id-dritt li Alla għandu fuq dak kollu li huwa tiegħu, jiġifieri l-ħajja tagħna.

Għall-ewwel darba, il-Papa Benedittu XVI iddaħħal fil-Bażilika ta’ San Pietru fuq platform bir-roti li kien juża l-Papa Ġwanni Pawlu II fl-aħħar snin ta’ ħajtu.

Categories: Pastorali

Il-Halloween’ festa pagana.

October 23, 2011 17 comments

Donnu qed jerga’  joqrob Halloween.  Anke mill-istess  reklami li tara fuq it-televizjoni tibda tintebaħ. Naraw u  nisemgħu avviżi publiċitarji li jħajjru lill-ġenituri  biex jixtru lill-uliedhom, anke dawk l-aktar ċkejnin,  kostumi mhux biss ta’ sħaħar iżda wkoll ta’  skeletri. F’età tenera meta ż-żgħar tagħna suppost huma ċelebrazzjoni ta’ ħajja  u ta’ tama, aħna nibdluhom f’celebrazzjoni ta’ mewt, ta’ spiritiżmu u ta’ okkult.

Aqra l-istqarrija li  l-Kummissjoni Djoċesana Okkult u Sataniżmu kienet ħarget dwar dan. 

                    Wara iktbilna x’taħseb  int. … 

UFFIĊĊJU STAMPA  – Il-Kurja ta’ l-Arċisqof, Floriana.  REF: 129/2005

STQARRIJA TAL-KUMMISSJONI DJOĊESANA OKKULT U SATANIŻMU DWAR IL-FESTA TAL-HALLOWEEN

Il-Kummissjoni Djoċesana Okkult u Sataniżmu ntalbet tagħti l-parir tagħha minn diversi ġenituri u Youth Centres dwar jekk iċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-Halloween hijiex kompatibbli jew le ma’ min jixtieq jieħu bis-serjetà l-impenn tas-sejħa nisranija tiegħu.

Filwaqt li l-Kummissjoni tagħraf li spiss hemm persuni żgħar u kbar li jiċċelebraw b’mod newtrali din il-festa biss biex ikollhom okkażjoni li jorganizzaw ċelebrazzjoni jew party b’differenza, din l-istess Kummissjoni tinnota li:

- Il-festa hekk imsejħa ta’ ‘Halloween’ hija ta’ oriġini pagana u ssib l-għeruq tagħha fi twemmin mhux imdawwal mill-misteru ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, li bil-mewt u l-qawmien tiegħu fdiena u joffrilna ħajja ġdida, issa u anke wara li ngħaddu mill-passaġġ tal-mewt. Anke jekk hemm min iżomm li din hija biss ċelebrazzjoni antika tal-bidu tax-xitwa, ma’ din il-festa ntrabtu diversi tradizzjonijiet superstizzjużi u tradizzjonijiet oħra li għandhom x’jaqsmu aktar mad-dinja tal-ispiritiżmu u l-okkult fis-sens l-aktar wiesgħa tiegħu. Tradizzjonijiet li fil-fatt ma jaqblux ma’ dak li n-nisrani jemmen fid-dawl ta’ Ġesù Kristu.

- Għal din ir-raġuni, għal min jixtieq jieħu bis-serjetà s-sejħa nisranija tiegħu, il-Kummissjoni jidhrilha li jkun aħjar li din il-festa ma tiġix iċċelebrata. Anke jekk dan isir b’mod superfiċjali u mingħajr l-ebda intenzjoni ħażina, xorta waħda l-istess ċelebrazzjoni ssir sinjal ta’ ftuħ lejn kultura neo-pagana u tlaqqim fil-kultura tal-okkult, komuni ħafna fi żminijietna.

- Ikun aktar jixraq li wieħed jifhem għaliex din iċ-ċelebrazzjoni ma taqbilx mat-twemmin nisrani u jivvaluta mill-ġdid il-wirt nisrani li fih tfakkarna kontinwament il-Knisja:

i. Fl-1 ta’ Novembru, in-nisrani huwa msejjaħ jiċċelebra l-festa tal-Qaddisin kollha, dawk li l-Papa Benedittu XVI, liż-żgħażagħ miġbura f’Cologne, sejħilhom “ir-rivoluzzjonarji veri tas-soċjetajiet tagħna”.

ii. L-għada, imbagħad, issir it-Tifkira tal-Fidili Mejtin kollha, fejn permezz ta’ Kristu nitolbu għall-għeżież mejtin tagħna u aħna stess nirċievu l-ġid li jwassal it-talb tagħhom għalina.

iii. Żewġ tifkiriet li jfakkruna fl-għaqda tal-Knisja tal-art ma’ dik tas-sema.

Ikun sabiħ jekk l-okkażjoni ta’ dawn il-jumejn tagħti lok biex wieħed jiċċelebra l-fidi tiegħu, u fuq l-eżempji tal-qaddisin, jifhem li għan-nisrani, il-ferħ veru jinsab f’relazzjoni ta’ ħbiberija vera u ħajja ma’ Kristu Ġesù, il-Feddej tal-bniedem.

Categories: Ġenerali

Bennejja ta’ Komunitajiet.

October 16, 2011 1 comment

Għeżież ħuti,

1.  Insellem lilkom ilkoll minn qalbi.  Ġejtu minn kull naħa tad-dinja biex tagħtu ħajja lill-Ewwel Kungress Internazzjonali tal-“Moviment tal-Parroċċi.”  Merħba bikom!  Inħossni ferħan li ninsab magħkom.  Fikom insellem lill-Moviment tal-Fokolarini kollu għax intom fergħa minnu. Insellem lil dan il-Moviment u nuri l-apprezzament tieghi għall-impenn biex dejjem aktar iqanqal il-ħajja tal-Vanġelu fis-soċjeta’ tal-lum.  Nixtieq infakkar ukoll b’mod speċjali lis-sinjorina Chiara Lubich, fundatriċi u president ta’ dan il-Moviment imżewwaq, li jissejjah ukoll “Opra ta’ Marija”, kif ukoll lil dawk kollha li huma mseħbin magħha biex ixerrdu fid-dinja l-imħabba ta’ Kristu.

Is-suġġett li fuqu se taħsbu  f’dawn il-ġranet huwa mportanti ħafna għall-ħajja pastorali  tal-knisja.  Intom qed tistaqsu lilkom infuskom x’inhu meħtieġ  biex tibnu “Parroċċa li hi komunita’!”  M’ghandniex xi ngħidu, dan qed tagħmluh għax intom konvinti li l-parroċċa bħala espressjoni mill-aktar antika fil-ħajja  tal-Knisja, għad għandha valur.  Madankollu fl-aħħar snin ma naqsux dawk li ġiehom  dubju dwar  il-bżonn tal-parroċċa.  Kien hemm min staqsa jekk il-parroċċa tistax tibqa’ taħdem fis-sitwazzjoni tal-bliet moderni, biex b’hekk tkun tista’ tilqa’ l-isfida ta’ dinja li sar fiha minn kollox.   L-aktar li ġie dubju huwa dwar jekk il-parroċċa għandhiex il-mezzi, u ħajja biżżejjed biex l-Aħbar it-Tajba tkun preżenti u tħalli effett, biex tidħol fil-ħajja tat-tfal, taż-żgħażagħ u ta’ l-anzjani, tal-bniedem li rnexxa u ta’ dak li ma rnexxiex, tal-bniedem imwarrab, bla skop, indifferenti.

2. Ix-xogħol li għandha tagħmel il-Knijsa llum jidher enormi u żgur li mhix se tkun il-parroċċa weħidha li se ssolvi dan kollu.  Madankollu l-parroċċa llum wkoll jista’ jkollha staġun ġdid.  Minħabba li ħafna drabi jsib ruħu mħawwad u mitluf, il-bniedem tal-lum ifittex l-għaqda ma’ l-oħrajn.   Wara li jkun ilu jara l-valuri soċjali ta’ madwaru jitfarrku, hu jipprova jingħaqad ma’ esperjenza ta’ għaqda vera u awtentika.  Mhux din hi s-sejħa tal-parroċċa, “li tkun dar tal-familja, fejn hemm l-aħwa u fejn issib ruħek milqugħ,” “għaqda ta’ l-aħwa fl-ispirtu ta’ l-unita’, il-familja ta’ Alla f’post partikulari?”.
Il-parroċċa mhix prinċipalment  organizzazzjoni, biċċa art, jew bini.  Il-Parroċċa hija l-ewwelnet komunita’ tal-fidili.  Fil-fatt hekk ifissirha l-Kodiċi  (Can 515,1).  Dan hu x-xogħol tal-parroċċa llum:  “li tkun komunita’, terġa ssib li hi komunita’.”   Ma nistgħux inkunu nsara kull wieħed għalih waħdu.  Li nkunu nsara jfisser li nemmnu u ngħixu l-fidi tagħna flimkien ma’ l-oħrajn, li nkunu knisja komunita ‘.

Il-Komunita’ titwieled mill-Kelma t’Alla li ngħixu

3.   Imma kif titwieled il-komunita’?   Intom tafu li l-komunita’ mhix sempliċiment  xi ħaġa li tista’ torganizzaha.  Il-komunita’ hija komunjoni.  Biex titwieled il-komunita’ mhux bizzejjed  li jkun hemm is-saċerdot, anke jekk, bħala rappreżantant ta’ l-Isqof, huwa jwettaq biċċa xogħol  ta’ siwi.   Hemm bżonn l-impenn tal-parruċċani kollha,  ghax is-sehem tagħhom jiswa ħafna.  Il-Konċilju Vatikan II saħaq b’ħiltu kollha fuq dan  (Lumen Gentium, 32-33) (Appostolat tal-Lajċi, 2-3; Saċerdoti 2).   Għalhekk ninsab kuntent narakom hekk impenjati, għax tafu bis-sejħa tal-Mulej biex, flimkien mas-saċerdoti tagħkom, jagħmilkom bennejja ta’ kumunitajiet ħajjin.

Żgur li din mhix biċċa xogħol ħafifa.   Din mhix biss komunita’ ta’ bniedem.   Il-komunita’ nisranija hija rejalta’ umana u divina.  Għalhekk il-mistoqsija tagħna dwar kif titwieled komunita’ ssib risposta preċiża u sabiħa:  fuq kollox ma titwelidx mill-isforzi taghna.  Huwa  Kristu nnifsu li jqanqalha. Hija t-tħabbira ta’ l-Aħbar it-Tajba tieghu li jlaqqa’ flimkien lill-insara.  (L.G. 26, P.O.4).  L-origini u l-bidu tal-komunita’ tal-Knijsa hija l-Kelma ta’ Alla imxandra, mismugħa, immeditata u mbagħad imqegħda fil-prattika fil-ħafna sitwazzjonijiet ta’ kull jum, biex nistgħu   ”napplikaw il-veritajiet ta’ dejjem fiċ-ċirkostranzi konkreti tal-ħajja.” (P.O. 4).   Mela mhux biżżejjed tisma’ l-Kelma mhux biżżejjed titħabbar, jeħtieġ ngħixuha. Naf li intom tiltaqghu fi gruppi żgħar  fil-parroċċi tagħkom fejn intom taħsbu fuq il-Kelma ta’ Alla, u anke taqsmu ma’ xulxin l-esperjenzi li tkuni għextu.  Dan igħinkom biex tiskopru l-effett ta’ l-Aħbar it-Tajba fil-komunita’.  Sewwa, issa qiegħdu din l-iesperjenza ghas-servizz ta’ ħutkom irġiel u nisa.  Siru bennejja ta’ komunitajiiet fejn, fuq l-eżempju ta’ l-ewwel komunita’ nisranija, tgħix u taġixxi l-Kelma  (Atti 6,7; 12-24)

Ngħixu l-ħajja bħala Għid li ma jintemmx

3.  Il-komunita’  nisranija  tgħix  permezz tal-Kelma, imma bħala ċentru u qofol tagħha għandha l-Ewkaristija (Christus Dominus, 30).  Permezz ta’ l-Ewkaristija hija tniżżel l-għeruq fil-misteru ta’ Kristu Rxuxtat u permezz Tiegħu,  fil-għaqda tat-tliet Persuni tat-Trinita’ nnifsha.  Din hi l-profondita’ nisranija!  Din hi t-tifsira taċ-Ċelebrazzjoni tal-Liturġija:  huma jdaħluna fil-qalba tal-ħajja ta’ Alla; fihom aħna niltaqgħu ma’ Kristu li miet u rxoxta, u qed igħix fostna.

Imma dak li niċċelebraw irid jibdel lil  ħajjietna.  L-Ewkaristija turina xi jfisser it-taħbit tagħna, id-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom fil-ħajja, it-tifsira ta’ kull tbatija.  Dan  kollu, magħqud  mas-sagrifiċċju  ta’ Kristu jista’ jinbidel f’offerta lil Alla u f’għajn ta’ ħajja.   Xejn ma jista’ jżomm il-mixja tal-komunita’ li tgħallmet tgħix  il-ħajja bħala Għid li ma jintemmx:  bħala mewt u ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu (Rum 6,4-8)

Sewwa, dan mhuwiex wieħed mill-punti ewlenin li intom tippruvaw tgħixu fl-ispiritwalita’ tal-Moviment  tal-Folkolari:  l-imħabba lejn Ġesu’ Msallab  u abbandunat?  Ghaldaqstant, l-impenn tagħkom mhux imsejjes fuq xi motiv uman biss, fuq sentiment ta’ estużjażmu  li jgħaddi.  Fih imsallab u rxuxtat, intom issibu l-għerq li jagħti l-ħajja lill-komunitatjiet tagħkom u fl-istess ħin it-triq biex jikbru dejjem aktar.  Fih issibu l-mod kif tgħixu s-saċerdozju tagħkom bħala mgħammdin.

 

Ħajja  soċjali mogħtija l-ħajja bl-imħabba

4.  Kif rajna l-komunita’ nisranija titwieled mill-kelma, u tniżżel l-għeruq fil-misteru ta’  l-Għid.  Imma hemm it-tielet ħaġa li tagħmel il-komunita’:  din hi l-imħabba mnissla f’qalbna mill-Ispirtu s-Santu (Rum 5,5).    Fil-fatt x’tiswa komunita’ mingħajr l-imħabba?  X’tiswa jekk ma twettaqx dak li l-Konċilju jsejjaħ “Liġi” tal-poplu ġdid ta’ Alla:  il-preċett biex inħobbu bħalma Ġesu’ nnifsu ħabb lilna? (L.G.9)  X’tiswa mingħajr l-għaqda sħiħa ma’ l-Isqof, mal-Knisja universali?

Imma din l-imħabba trid tkun tidher.  L-imħabba trid tippenetra u ġġib l-ordni fl-aspetti kollha tal-ħajja tal-bnedmin, trid tnissel ħajja soċjali tassew nisranija.  Dan huwa importanti – bħalma diġa sħaqt drabi oħra “li l-parroċċa ssir dejjem aktar ċentru ta’ ġemgħa ta’ bnedmin insara jiġifieri l-parroċċa ssir komunita’ sħiħa.”  (Diskors 24/1/’82)

Fil-komunitajiet tagħna huma msejħin biex juru minn qabel iċ-Ċivilta’ ta’ l-imħabba.  U dan ifisser li, fuq il-mudell ta’ l-ewwel komunitajiet insara, huma għandhom jibnu strutturi soċjali maħsubin għall-ħtiġijiet ta’ l-għaqda ta’ bejn l-aħwa.  Dan ifisser li jibnu rabtiet  mimlijin  bl-ispirtu tal-paċi u ta’ l-għotja  lil xulxin, solidarjeta’ li tfejjaq is-soċjeta’, ħajja spiritwali komunitarja li  tista’ tgħaqqad l-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-proxxmu.

Naf li f’din il-laqgħa  qegħdin  tirriflettu  fuq  dawn l-aspetti kollha.  Dawn huma meħtieġa  biex il-komunita’ ssir aktar matura u biex ix-xhieda tagħha tagħti l-frott mixtieq.  Id-dinja tal-lum, li ħafna drabi hi ‘l boghod minn Alla, tagħti aktar każ tal-fatti milli  tal-kliem.  Kien Ġesu’ stess li qabbadna fuq din it-triq; “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13,35).   Il-parroċċa hija  post privileġġjat biex tingħata din ix-xhieda, billi tirrepti fi żmienna dawk il-ħwejjeġ ta’ l-għaġeb li kien fihom l-ewwel komunitajiet, dik il-meravilja ta’ ħajja ġdida li mhux biss hi spiritwali imma soċjali u storika.

Ħajja flimkien
imfassla fuq ix-xhieda tat-Trinita’

6.  L-ispiritwalita’ tagħkom hija mibnija madwar l-unita’.  Bil-ħajja u bl-impenn tagħkom tixtiequ tagħtu sehem ħalli jitwettaq it-Testment ta’ Ġesu’:  “Biex ilkoll inkunu ħaġa waħda.  Bħalma int, Missier, inti fija u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina.” (Ġw 7,21).  B’dan il-kliem il-Mulej qed jissuġġerilna – bħalma qal il-Konċilju Vatikan II –  Ċertu xebh bejn l-għaqda  tal-persuni  divini u l-għaqda bejn ulied Alla fil-veirta’ u fl-imħabba” (G.S. 24).  Mela l-aqwa mudell ta’ kif għandha tkun il-ħajja tal-bnedmin flimkien:  it-Trinita!  Minn dan il-mudell kbir joħorġu ħafna konsegwenzi anke għall-parroċċa.   Il-vokazzjoni sabiħa tal-Komunita’ tal-knisja hi li tagħmel minn kollox biex issir,  f’ċertu sens, xbieha tat-Trinita’ Qaddisa,  “billi tgħaqqad flimkien id-differenzi  umani (A.A.10)  fl-unita’ bejn ix-xjuħ u żgħażagħ, nisa u rġiel, intelletwali u ħaddiema, sinjuri u fqar.
Mibnija bl-imħabba skond dan il-mudell, il-parroċċi tagħkom jistgħu jwettqu ħidma siewja ma’ dawk li jeħtieġu li xi ħadd iressaqhom lejn Kristu.


Fedelta’ lejn din l-ispiritwalita’ biex tkun tista’ ssir ħmira  tajba.

7.    Minn  qalbi  nawguralkom,  egħżież ħuti,  li  tkomplu  fl-impenn tagħkom.  Jekk tħabirku  biex “titrawmu bil-qalb fl-ispiritwalita’ karateristika” tal-Moviment tagħkom  -  bħalma jistedinkom biex tagħmlu l-Konċilju (A.A. 4)  -  u fl-istess ħin tibqgħu magħqudin sewwa mas-saċerdoti u l-isqfijiet tagħkom, intom issiru ħmira tajba fil-parroċċi tagħkom.  Hekk tkunu tistgħu tgħinuhom jiskopru u jkabbru dejjem aktar il-vokazzjoni tagħhom li jsiru komunita’.

Taqtgħux qalbkom mid-diffikultajiet.  Kunu mezzi ta’ għaqda fost il-gruppi, movimenti u għaqdiet tal-komunitajiet tagħkom!

Maria,  Omm il-Knisja,  tħariskom  fil-mixja  tagħkom u  fil-ħidma tagħkom.  Ħadd bħalha, li tat ‘il Ġesu’ lid-dinja ma jista’ jgħinkom biex fil-parroċċi taghkom jiddi d-dawl  ta’ Kristu.  Jekk jiġri hekk il-parroċċi  tagħkom iwettqu  dejjem aktar il-vokazzjoni tagħhom:  li jkunu l-preżenza ta’  Kristu fost il-bnedmin (diskors ta’ Ġwanni Pawlu II 18/2/1979)
Nagħtikom il-Barka Apostolika tieghi!

Ġwanni Pawlu  II

Categories: Pastorali

Qaddejja ta’ Alla fil-Familja

October 10, 2011 1 comment

                                                                                                                                  

5 ta’ Ottubru, 2011   -    90/2011

QADDEJJA TA’ ALLA  FIL-FAMILJA

Nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru 2011, se ssir laqgħa bit-tema: Henry u Inez Casolani ‘Qaddejja ta’ Alla fiż-żwieġ u fil-familja.’ Il-Kelliem ewlieni se jkun Fr Paul Chetcuti SJ. Se jkun hemm ukoll esperjenzi personali mill-Perit Vincent Cassar u l-Kardjologu Dr Robert Xuereb. Din il-laqgħa se ssir fl-iskola ta’ Santa Monika, B’Kara u tibda fis-7.00 p.m.

Henry u Inez Casolani iżżewġu fid-19 ta’ April 1944 fil-Knisja ta’ Santu Wistin il-Belt. Huma għexu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum fiż-żwieġ u fil-familja b’mod straordinarjament tajjeb.  Tul ħajjithom kollha Henry u Inez Casolani ma tilfux il-ħarsa tagħhom minn fuq Alla. Dak kollu li għamlu wettquh b’qalb kbira mimlija mħabba u kompassjoni.  Għexu ż-żwieġ tagħhom b’impenn, fedeltà u entużjażmu.  Kien hemm spirtu ta’ qadi bejniethom fuq l-eżempju ta’ Ġesù. Fil-familja tagħhom kien hemm ambjent qaddis, ambjent ta’ knisja domestika.

Henry Casolani twieled il-Belt Valletta fl-1917 u miet fl-1999. Huwa għamel karriera twila u sabiħa bħala draughtsman mal-Public Works Department u kien ta’ eżempju mill-isbaħ għal sħabu. Inez Casolani twieldet f’Bormla fl-1915 u mietet fl-1992. Hija kienet għalliema iżda kif iżżewġet waqfet mill-professjoni tagħha biex tiddedika ruħha totalment għall-familja. Henry u Inez Casolani kellhom tifla unika, Cecilia, li ta’ dsatax il-sena daħlet soru mas-Sorijiet ta’ St. Joseph of the Apparition.

Henry u Inez kienu żewġ personalitajiet b’karattri differenti minn ta’ xulxin imma sabu l-mezz kif ikunu ħaġa waħda f’dak li hi fundamentali: l-għaqda fl-imħabba t’Alla u li jimxu dejjem il-quddiem fil-prattika tat-tagħlim ta’ Ġesù. Riedu jitqaddsu huma l-ewwel fil-familja u mbagħad għaddew din il-mira lin-nies ta’ madwarhom. Henry Casolani kellu fejqan straordinarju f’għajnejh minn Macular Degeneration u Diabetic Retinopathy bl-intercessjoni tal-Venerabbli, illum Beata, Swor Maria Adeodata Pisani. Henry u Inez Casolani huma xhieda ta’ Kristu u tal-fidi nisranija. Huma eżempju attwali ta’ qdusija fil-ħajja miżżewġa ta’ kuljum.

Categories: Familja

Tfajla ta’ 18 ddikjarata beata.

October 9, 2011 5 comments

Chiara Luce Badano: Tfajla ta’ tmintax-il sena ddikjarata Beata

Ħajr lill-Tony Aquilina 

Min hi din it-tfajla? Hi Chiara Luce Badano, tfajla bħat-tfajliet l-oħra: ferrieħa u fuq ruħha,   tħobb ħafna l-mużika, l-għawm, it-tennis, il-passiġġati fuq il-muntanja…. u mdawra b’ħafna ħbieb. Twieldet Sassello, fil-provinċja ta’ Savona, fid-29 ta’ Ottubru 1971, wara li l-ġenituri tagħha kienu ilhom ħdax-il sena jistennew it-twelid ta’ tarbija.

Għexet f’familja magħquda li tatha trobbija nisranija soda u, bħal sema mimli kwiekeb, ħajjitha kienet mimlija b’atti żgħar ta’ mħabba. Ta’ erba’ snin ġa kienet tara liema affarijiet tal-logħob se tagħti lit-tfal foqra. Kienet tirraġuna b’dan il-mod: “Ma nistax nagħti ġugarelli  imkissrin lil tfal li m’għandhom xejn”. Meta darba, waħda minn sħabha tal-iskola, kellha l-iskarlattina u ħadd ma ried imur jaraha, Chiara tkellmet dwar dan mal-ġenituri tagħha u ħasset li għandha tmur iżżurha u teħdilha l-homework. Qalet: “Hu aktar importanti tħobb milli tibża’”.

Fl-1981, flimkien ma’ ommha u missierha, ħadet sehem fil-Family Fest, manifestazzjoni dinjija organizzata mill-Moviment tal-Fokolari, li saret f’Ruma. Minn hawn bdiet ħajja ġdida għat-tlieta li huma u hi ngħaqdet mal-Ġen, it-tieni ġenerazzjoni tal-Moviment. Flimkien magħhom bdiet tgħix l-ideal tal-unità, deċiża li tgħix il-Vanġelu, li ssaħħret għal warajh. Kienet ukoll impenjata fil-ħajja tal-parroċċa u tad-djoċesi. F’waħda mill-ewwel ittri li kitbet lil Chiara Lubich, il-fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolari, wara li kienet ħadet sehem f’Kungress internazzjonali Ġen, qaltilha: “Skoprejt li Ġesù Abbandunat hu ċ-ċavetta tal-għaqda m’Alla, u rrid nagħżel lilu bħala l-għarus tiegħi u nhejji ruħi għal meta jiġi.”

Kellha sbatax-il sena meta, wara logħba tennis, ħasset uġigħ kbir fi spallitha. Bdewlha t-testijijet u ma damux ma sabu li kellha kanċer fl-għadam. Bdiet tmur għall-kura fi sptar Turin, kura li  kienet  tikkaġunalha ħafna tbatija. Iżda hi kienet tiffaċċa kollox b’kuraġġ kbir u kienet toffri kull tbatija lil Ġesù fil-waqt li tgħidlu: “Jekk dan tridu int, jiena wkoll rridu!” Wasal il-waqt meta ma setgħetx timxi aktar u t-tobba ma setgħu jagħmlulha xejn. Kienet tgħix dawn il-mumenti ibsin sostnuta mir-rabta tagħha ma’ Ġesù msallab u abbandunat u kienet tgħid: “Jekk jistaqsuni nixtieqx nimxi, ngħid le, għax issa nħossni tant aktar qrib ta’ Ġesù”. Għalkemm qajla setgħet tiċċaqlaq, hi baqgħet attiva. Kienet issegwi u tinteressa ruħha f’dak kollu li kien qed jiġri madwarha. Stiednet lil ħafna żgħażagħ biex jieħdu sehem fil-Ġenfest ’90 (manifestazzjoni taż-Żgħażagħ għal Dinja Magħquda li saret f’Ruma f’Mejju tal-1990). Hi segwiet it-trasmissjoni diretta permezz tal-antenna li tpoġġiet fuq il-bejt tad-dar tagħha. It-tabib li kien jieħu ħsiebha ma kienx jemmen, iżda hu stess stqarr li minn meta sar jaf lil Chiara ħajtu nbidlet.

Ir-rabta tagħha ma’ Chiara Lubich kompliet tissaħħaħ. Kienet tiktbilha u żżommha infurmata ’kollox. Fid-19 ta’ Lulju tal-1990 kitbitilha hekk: “Il-mediċina ċediet -armi. (…) It-triq li għandi quddiemi hi waħda iebsa… Spiss inħoss t-tbatija taħkimni. Imma dan hu l-Għarus li qed jiġi jżurni; mhux hekk? Iva, limkien miegħek, jiena wkoll ngħidlu: “Jekk dan tridu int, jiena wkoll irridu!”. hiara Lubich weġbitha hekk: “Chiara, tibżax tgħidlu “iva” mument wara l-ieħor. bqa’ żgurha li Hu jagħtik il-forza li għandek bżonn. Alla jħobbok b’imħabba la tarf. Ħsibt li nagħtik isem ġdid: ‘Chiara Luce’ (Dawl); jogħġbok?”

Kien jidher ċar li  wasal iż-żmien li tmur tiltaqa’ ma’ Ġesu’ u għalhekk bdiet tħejji għall-funeral tagħha: ħasbet għall-kant, il-qari, il-fjuri, l-libsa: riedet libsa bajda, bħal dik ta’ għarusa. Chiara Luce telqet lejn is-sema fis-7 ta’ Ottubru 1990. L-aħħar  kliem li qalet  lil ommha kien: “Ċaw ma, qis li tkun kuntenta għaliex jien kuntenta”.

Għadd kbir ta’ żgħażagħ u ħafna saċerdoti ħadu sehem fil-quddiesa tal-funeral tagħha cċelebrata mill-isqof tad-djoċesi. “Nirringrazzjaw lil Alla għal dan ir-raġġ qawwi ta’ dawl”: kien jgħid il-messaġġ ta’ Chiara Lubich għal din l-okkażjoni. L-isqof ta’ Acqui Terme beda l-proċess tal-beatifikazzjoni tagħha, u fit-3 ta’ Lulju 2008, Chiara Luce ġiet iddikkjarata venerabbli.

Fid-19 ta’ Diċembru 2009, il-Qdusija tiegħu l-Papa Benedittu XVI rrikonoxxa l-miraklu li sar bl-interċessjoni tagħha u fil-25 ta’ Settembru 2010, il-Knisja għamlitha Beata. Ġie deċiż ukoll li l-festa tal-Beata Chiara Luce Badano tiġi ċċelebrata fid-29 t’Ottubru.

Ftit jiem wara, fit-3 ta’ Ottubru, waqt żjara fil-belt ta’ Palermo, il-papa Benedittu XVI kien qed jindirizza liż-żgħażagħ u l-familji u qalilhom hekk:

“Naħseb li lkoll tafu li s-Sibt li għadda, 25 ta’ Settembru f’Ruma, ġiet ipproklamata beata ġdida, tfajla Taljana li jisimha Chiara, Chiara Badano. Nistidinkom issiru tafuha: għalkemm għexet ftit snin biss, imma ħajjitha hija messaġġ mill-isbaħ! Hi twieldet fl-1971 u mietet fl-1990, minħabba marda li ma titfejjaqx. Dsatax-il sena ta’ ħajja, ta’ mħabba, ta’ fidi. L-aħħar sentejn għexithom fi tbatijiet kbar, imma kienet dejjem fl-imħabba u fid-dawl, dawl li kien jiddi madwarha, imma li kien ġej minn ġewwa fiha, minn qalbha li kienet mimlija b’Alla. U dan kif seta’ jkun possibbli? Kif jista’ jkun li tfajla ta’ 17, 18–il sena tgħix tbatija bħal dik, mingħajr ebda tama ta’ fejqan, u madwarha xxerred l-imħabba, is-sliem, il-paċi u l-fidi? Ovvjament kienet il-grazzja t’Alla. Imma din il-grazzja kienet ippreparata u mgħejjuna min-nies ta’ madwarha: mgħejjuna l-ewwelnett mit-tfajla stess, imbagħad bla dubju ta’ xejn bl-għajnuna ta’ ommha u ta’ missierha u anke ta’ ħbiebha.

L-ewwel u qabel kollox il-ġenituri, il-familja. Illum irrid nenfasizza magħkom l-importanza tal-ġenituri u l-familja. Il-ġenituri tal-Beata Chiara Badano għadhom ħajjin, u kienu Ruma għall-beatitfikazzjoni ta’ binthom. Jien iltqajt magħhom personalment. Binthom kienet mimlija bid-dawl t’Alla. U dan id-dawl, li ġej mill-fidi u mill-imħabba, xegħluh huma l-ewwel fit-tifla tagħhom: missierha u ommha xegħlu fil-qalb ta’ binthom il-fjamma ċkejkna tal-fidi. Huma għenu lil binthom Chiara biex iżżommha mixgħula dejjem, anke fil-mumenti diffiċli tat-trobbija u l-iżjed fil-mumenti iebsa tal-marda. Hija dik il-fjamma li naraw b’mod simboliku fir-rit tal-Magħmudija, meta s-saċerdot jgħid: ĦUDU D-DAWL TA’ KRISTU. Din hija fjamma li rridu nżommuha dejjem tixgħel. Ħbieb, dan hu l-messaġġ li xtaqt nagħtikom illum: ir-rabta ta’ bejn il-ġenituri u t-tfal, kif tafu, hi fundamentali…”.

Sa minn meta twaqqaf il-Moviment Ġen, Chiara Lubich dejjem sfidat liż-żgħażagħ biex jimmiraw lejn ideal għoli: “Tridu tkunu ġenerazzjoni ta’ qaddisin”. Chiara Luce Badano mhijiex l-unika waħda li waslet sa hawn; hemm żgħażagħ oħra bħalha. Bħalissa għaddej il-proċess ta’ beatifikazzjoni  ta’ tlieta oħra minnhom.

Ara s-sit uffiċċjali tal-Beata Chiara Luce Badano …> ikklikkja

Categories: Ġenerali

Ittra Pastorali – Il-Kwalita’ tal-Ħajja Nisranija.

October 1, 2011 11 comments

ITTRA PASTORALI – IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA NISRANIJA

Ħutna,

Qegħdin niktbu din l-ittra tagħna wara mumenti ta’ skiet u riflessjoni. Xtaqna li dan il-kliem ngħiduh f’mument ta’ kalma, bit-tama li jidħol fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Inħossu li hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet importanti fuq il-kwalità tal-ħajja nisranija ta’ kull wieħed u waħda minna. Dawn id-deċiżjonijiet jgħinuna biex ikollna Knisja li tkun ħmira għas-soċjetà ta’ llum. Qegħdin ngħaqqdu din l-Ittra Pastorali max-xahar ta’ Ottubru, biex ngħaqqduha max-xahar tar-Rużarju, ħalli tkun imsaħħa minn din it-talba lil Marija Santissima.

Ir-Realtà tal-lum

Dawn id-deċiżjonijiet irridu neħduhom fil-kuntest ta’ tliet realtajiet kbar li jagħmlu aktar diffiċli l-għażla tagħna għal iktar twemmin fil-Mulej u għal iktar impenn biex nibnu l-Knisja fuq it-tagħlim ta’ Ġesù.

L-ewwel realtà hi l-bidla qawwija u mgħaġġla tas-soċjetà u l-kultura ta’ madwarna. Għan-nisrani huwa diffiċli jidentifika lilu nnifsu f’kollox ma’ din il-kultura. Hija kultura li għenitna ngħixu aħjar xi valuri bħall-ambjent, l-aċċettazzjoni tal-persuni bi sfond kulturali differenti, il-ftuħ għar-realtà globali bl-opportunitajiet u r-riskji tagħha. Iżda min-naħa l-oħra saret iktar diffiċli li tgħix il-valuri nsara bħalma huma: r-rispett tal-individwu mit-tnissil sal-aħħar mument tal-ħajja, taż-żwieġ dejjiemi u ta’ familja stabbli fejn it-tfal jistgħu jitrabbew f’sigurtà, tal-esperjenza ta’ Alla li permezz tat-talb twassal għal impenn fil-Knisja u impenn kristjan fis-soċjetà.

It-tieni realtà hi li minħabba d-dħul tad-divorzju f’pajjiżna, issa għandna soċjetà li iktar faċli tindarab fil-kuntest taż-żwieġ u l-familja. Dawn għandhom parti importanti ħafna fil-qafas tas-soċjetà u tal-Knisja. Għax id-dħul tad-divorzju jferi kull żwieġ, kemm dak ċivili, kif ukoll iż-żwieġ sagrament.

It-tielet realtà hija l-każ ta’ abbużi ta’ minorenni minn xi saċerdoti. Kull tip ta’ abbuż iġib tbatija enormi. Inħossuna umiljati quddiem il-vittmi tal-abbuż, kif ukoll quddiem il-Knisja u quddiem is-soċjetà li għaliha ġejna mibgħuta biex inkunu xhieda.

Deċiżjonijiet

Quddiem dan kollu, kull wieħed u waħda minna f’dawn il-ġranet irid jieħu deċiżjoni importanti: li jgħix ta’ nisrani f’dawn iċ-ċirkustanzi. U din mhijiex deċiżjoni faċli. Tista’ tittieħed biss jekk il-fidi tagħna fi Kristu, u l-imħabba tagħna għalih u għall-Knisja jkunu iktar qawwija minn dawn il-ġrajjiet għax huma bbażati fuq il-wegħda ta’ Kristu li jibqa’ mal-Knisja sal-aħħar taż-żmien. Nafu li dan huwa possibbli għaliex għexuha l-ewwel dixxipli tal-Mulej – li naqraw fuqhom fl-Atti tal-Appostli – f’ċirkustanzi ibsin u rnexxilhom jgħaddu it-tagħlim ta’ Ġesù lil ta’ warajhom.

Il-Knisja bdiet madwar Kristu mejjet fuq is-Salib u l-biża’ li dan il-fatt ġab fuq id-dixxipli għaxħasbu li kien intemm kollox; l-eperjenza tad-dgħufija tal-membri – Ġuda li ttradih, Pietru li ċaħdu tliet darbiet, l-appostli l-oħra, ħlief  Ġwanni, li telquh waħdu fuq is-Salib. Ma’ din kien hemm ukoll il-persekuzzjoni minn parti kbira tal-Komunità Lhudija li Ġesù kien tant iħobb u mill-Imperu Ruman. Bil-qawmien tiegħu Kristu ta lill-Knisja il-qawwa li tegħleb id-djufija fi ħdanha u tibdel kull  persekuzzjoni f’opportunità ta’ mħabba akbar.

Se jkun hemm min jieħu d-deċiżjoni li jibqa’ bogħod jew joħroġ mill-Knisja. Aħna lil dawn l-aħwa m’għandniex niġġudikawhom. L-imħabba ta’ Alla l-Missier lejn kull persuna, hi min hi, ma tħalliniex niġġudikaw, iżda biss inħobbu, u nħobbu kif ħabb Alla l-Missier li bagħat lil Ibnu biex jurina l-Verità fl-Imħabba li hija l-qofol tal-Fidi tagħna.

L-Istorja tal-Knisja f’pajjiżna

Il-Knisja, anki dik f’Malta, irnexxielha tgħix f’kull ċirkustanza. Fl-istorja tagħha hija għaddiet mill-ewwel żminijiet, meta San Pawl ħalla l-ewwel komunità kristjana f’Malta. Il-ġrajjiet ta’ dik il-komunità huma mistura fl-istorja, iżda ma nistgħux ma ngħaqqduhomx mal-persekuzzjoni li għaddiet minnha l-Knisja fl-Imperu Ruman. Anki fil-mument tal-ħakma mill-Għarab, mill-istudji li saru jirriżulta li kien hemm ‘ġemgħa żgħira’ li rnexxielha żżomm il-fidi.

Kien hemm sekli meta l-istorja tal-Knisja f’pajjiżna kienet imdawra minn appoġġ kulturali u numeriku tal-membri tagħha. Dawn iż-żminijiet taw lil pajjiżna wirt kulturali u reliġjuż li għadu qawwi sa llum, u dan issarraf f’ħafna ġid. Iżda nagħmlu żball jekk naħsbu li dawn il-kundizzjonijiet huma ta’ importanza ċentrali. Meta naħsbu hekk, jista’ jiġrilna li meta jitneħħew jew jinbidlu dawn il-kundizzjonijiet, jaqa’ kollox.

Infatti, meta nagħrfu li l-appoġġ kulturali u politiku hu biss il-qoxra tal-Knisja u tal-Fidi tagħna, allura għandna nfittxu li nintrabtu ma’ dak li hu ċentrali fil-fidi tagħna, Sidna Ġesù Kristu, u nibnu realtà ġdida fiċ-ċirkustanzi ta’ llum. Hija l-isfida tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida li l-Knisja qed tfittex illum. Din tista’ sseħħ biss jekk mal-bini tal-Knisja bħala komunità fl-aspetti esterni tagħha ikun hemm ukoll il-bini minn ġewwa tar-rabta ta’ kull wieħed u waħda minna mal-Mulej Ġesù. Fuq kollox il-Knisja tagħmel ‘suċċess’ biss jekk hi tkun mezz ta’ salvazzjoni għall-bnedmin kollha.

Il-Knisja tista’ tgħaddi mingħajr appoġġ kulturali u politiku għax għandha l-qawwa spiritwali ġewwa fiha. Il-Knisja kontinwament tfittex tisfija minn dak li hu appoġġ estern għal dik li hija s-saħħa tal-konvinzjoni tal-Fidi u tal-Ispirtu s-Santu. Huma mumenti qawwijin ta’ qawmien meta min jagħti s-sehem tiegħu fil-Knisja ma jkollux l-appoġġ ta’  privileġġi soċjali, u allura jħoss il-ħtieġa li jintelaq f’idejn il-qawwa ta’ Alla.

Għażliet

L-Għażla li rridu nagħmlu hija ħafna iktar profonda minn dik li xi drabi t-tradizzjoni u l-kultura jimbuttawna biex nibqgħu marbutin mal-Knisja. L-għażla trid tkun jekk nagħżlux li nkun parti mill-Knisja li trid twassal lil Kristu. L-għażla tiegħi personali, l-għażla tal-familja tiegħi, trid tibda minn ġewwa u tiġi msaħħa bit-talb u bis-solidarjetà tal-Komunità tal-Fidili. Inkella wieħed ma jsibx saħħa biżżejjed biex jgħixha fiċ-ċirkustanzi ta’ llum. Hija din l-esperjenza li aħna qegħdin nipproponu lilkom illum.

Irridu nirraġunaw bħal San Pawl meta kien imtaqqal minn ‘xewka’: li jrid jiddependi iktar fuq is-saħħa tal-Mulej milli fuq il-qawwa tiegħu biss. Dawn kienu l-kliem li qallu l-Mulej: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef” u l-konklużjoni ta’ Pawlu: “għax meta nkun dgħajjef, inkun qawwi” (2 Kor 12, 9.10).

Is-sejħa tal-Papa Benedittu XVI

Nixtiequ nagħlqu din l-ittra billi ningħaqdu mal-Papa Benedittu XVI li jgħidilna fuq ir-realtà tal-Knisja llum:

“Fil-klima l-kbira kulturali ta’ ħafna pajjiżi tal-Punent, l-għeruq tal-Kristjaneżmu għandhom posthom hemm. Imma qegħdin dejjem aktar nersqu lejn Kristjaneżmu ta’ deċiżjoni personali… Ikolli ngħid, min-naħa l-waħda llum jeħtieġ li nissodaw dan il-Kristjaneżmu tal-konvinzjoni, nerġgħu nagħtuh ħajja mill-ġdid u nferrxuh, biex aktar bnedmin jerġgħu jagħrfu jgħixu l-fidi tagħhom. Min-naħa l-oħra rridu nagħrfu li aħna sempliċement m’aħniex identiċi mal-kultura u man-nazzjon – imma li għandna s-saħħa li nagħtu lill-pajjiż valuri li taċċetta li tieħu u nsaħħuhom, ukoll jekk il-maġġoranza mhumiex Insara li jemmnu” (Dawl id-Dinja, 2011, 169).

Huwa fid-dawl ta’ din kollu li l-Knisja f’pajjiżna trid terġa’ tifli u tara l-missjoni li ħallielna il-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu qabel ma ħalla Malta:

“Ħalluni nħeġġiġkom għal darb’oħra biex trawmu għarfien profond tal-identità tagħkom u tħaddnu r-responsabbiltajiet li joħorġu minnha, l-aktar billi tmexxu ‘l quddiem il-valuri tal-Evanġelju li jagħtikom viżjoni ċara tad-dinjità umana u tal-oriġini u d-destin komuni tal-umanità. Kunu ta’ eżempju f’artkom u barra minn artkom ta’ ħajja nisranija dinamika. Kunu kburin bis-sejħa nisranija tagħkom. Għożżu l-wirt reliġjuż u kulturali tagħkom.”

Ommna Marija li kienet f’nofs l-appostli titlob lil Alla l-Missier biex jibgħat l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja, takkumpanjana fit-talb tagħna fix-xewqa ta’ qawwa ġdida fil-Missjoni tagħna li nagħmlu lil Binha ħaj u preżenti fostna permezz tal-Komunità tal-Knisja. Nitolbukom li din l-intenzjoni tagħmluha ukoll fir-Rużarju li nħeġġukom tgħidu kuljum.

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

+  PAWLU CREMONA O.P.                                                         +  MARIO GRECH

     Arċisqof ta’ Malta                                                                           Isqof ta’ Għawdex

Categories: Pastorali