Archive

Archive for September, 2011

Komunitajiet Żgħar fil-Parroċċa.

September 10, 2011 13 comments

Komunitajiet żgħar mill-bażi tal-parroċċa.

Joe Farrugia

Niftakarni preżenti għall-Assemblea Parrokkjali li fiha Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona temm l-ewwel Viżta Pastorali tiegħu fil-parroċċa ta’ H’Attard.

Dakinhar laqgħatni suġġeriment li kien għamel lill-dawk preżenti sabiex fil-ħidma pastorali tagħha, il-parroċċa ssib insara li lesti jidħlu għall-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni. Qalilhom li dan setgħu jagħmluh billi jinqasmu fi gruppi żgħar skont territorji stabiliti.  Imbagħad il-membri ta’ kull grupp għandhom jinbnew bejniethom fuq il-Kelma ta’ Alla u jmorru jistiednu lil persuni oħra mill-istess teritorju biex jissieħbu magħhom f’ din l-esperjenza nisranija.

Għalkemm wara dakinhar, l-Arċisqof tenna din l-istedina f’diversi okkażżjonijiet u f’diversi parroċċi oħra, madankollu għandi dubju serju dwar kemm parroċċi bdew jaħdmu bis-serjetà fuq dan il-proġett ambizjuż. Naf li uħud minn dawk li semgħu din il-proposta ma fehmuhiex. Kien hemm min ħaseb li dawn se jkunu xi għaqdiet reliġjużi ġodda, l-istess bħal dawk li diġà għandna. Oħrajn, fehmu sewwa dak li qal l-Arċisqof, imma fehmu wkoll li proġett bħal dan jitlob impenn serju u ħafna sagrifiċċju.  Forsi kien għalhekk li uħud qatgħu qalbhom u pposponew id-deċiżjoni tagħhom sine die.

Dan l-aħħar jiem erġajt kont qed naqra l-enċiklika tal-Papa Ġwanni Pawlu II, Redemptoris Missio.  Kienet publikata 21 sena ilu, imma minħabba li tidħol sewwa fil-fond dwar l-evanġelizzazzjoni ġdida, ħassejt li hija tassew attwali fiż-żmienna u għalhekk sibt ħin biex nerġa naqrha.  Fiha il-Papa kien tkellem propju dwar dak li Monsinjur Arċisqof insista dwaru għal dawn l-aħħar snin. Il-Papa kien sejħilhom, “komunitajiet ekkleżjali di base”, imma dawn huma spiss magħrufin ukoll b’ismijiet oħra.

Ġwanni Pawlu II kiteb li f’bosta Knejjes kienu qed jinbtu b’ħeffa kbira komunitajiet ekkleżjali di base, u li huma meqjus bħala impenn ewlieni tal-ħidma pastorali. Qal li dawn huma gruppi żgħar ta’ nsara f’livell ta’ familja jew ta’ ambjent ċkejken, li jiltaqgħu flimkien għat-talb u l-qari tal-Kotba Mqaddsa, għall-katekeżi, għall-istudju flimkien ta’ problemi li jolqtu kemm il-bniedem u kemm il-Knisja.

Il-Papa kompla li dawn il-komunitajiet qegħdin juru ruħhom bħala ċentri mill-aqwa ta’ formazzjoni nisranija u għalhekk jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom għall-ġid ta’ kulħadd. Huma tassew sinjal tal-qawwa tal-Knisja u strument ta’ formazzjoni u evanġelizzazzjoni.  Huma bidu tajjeb għal soċjetà mibnija fuq iċ-ċiviltà tal-imħabba.

Fl-enċiklika tiegħu, Ġwanni Pawlu II jgħid li dawn il-gruppi jridu jkunu parti mill-parroċċa u b’hekk jgħinuha ma tibqgħax ċentralizzata, imma jorganizzawha. Huma jridu jxettli għeruqhom f’ambjenti emarġinati u rurali, u b’hekk isiru l-ħmira ta’ ħajja nisranija, ta’ kura għall-foqra u l-imwarrbin, u ta’ mpenn għall-bidla fis-soċjetà.

F’dawn il-komunitajiet kull nisrani jġarrab esperjenza komunitarja, u hekk iħossu li hu membru attiv tal-Knisja u li huwa lest biex jagħti sehmu fl-impenn ta’ kulħadd. B’dan il-mod, dawn il- komunitajiet ikunu strumenti ta’ evanġelizzazzjoni. (Redemptoris Missio 51)

Is-soċjetà li qed ngħixu fiha u li aħna parti minnha għaddejja minn tibdil kbir u mgħaġġel u għalhekk il-parroċċi tagħna jridu jaffrontaw l-isfidi ta’ żmienna bi strutturi u għodod mġedda wkoll.  Il-Knisja trid tagħraf is-sinjali ta’ żminijietna u tfittex tifhem il-messaġġ li Alla jrid iwasslilha permezz tagħhom.

L-evanġelizzazzjoni tallum trid titlaq qabel xejn minn ħeġġa ġdida f’qalb dawk kollha li jqisu lilhom infushom parti minn din il-Knisja.  Spiċċa ż-żmien ta’ nsara passivi li posthom fil-Knisja huwa biss li fi tmiem il-ġimgħa “jisemgħu” il-quddies u xħin tasal il-qoffina maġenbhom idaħħlu idejhom fil-but biex jitfgħu xi ħaġa. Il-lajċi nsara jista’ jkollhom ħafna aktar x’joffru fil-komunità.

Jeħtieġ li l-parroċċa tfittex metodi u espressjonijiet ġodda kif twassal lil Kristu f’kull triq u f’kull dar.  Li f’din il-missjoni hija timpenja ħafna aktar minn uliedha u li lil dawn tagħtihom l-aħjar  formazzjoni possibbli. Mhix sfida faċli u ħafna għadhom qed jagħmlu d-domanda, “Imma kif?”

Nemmen li jekk nagħrblu sewwa l-proposta tal-Arċisqof tagħna u niflu dak li kiteb il-Papa Ġwanni Pawlu II fir-Redemptoris Missio, aktarx niskopru li dawn l-komunitajiet żgħar ta’ nsara fil-bażi ta’ kull parroċca jistgħu jkunu t-tweġiba għad-domanda tagħna.

Categories: Evanġelizzazzjoni

Il-Kelb fis-Saqaf tal-Katidral.

September 8, 2011 Leave a comment

Il-Kelb fis-Saqaf tal-Katidral

Minn Joseph Galea

Hu kollu ħtija ta’ kelb li ma nkunx attent għal-liturġija li tkun għaddejja fil-katidral ta’ San Ġwann. Ili ħafna narah dan il-kelb, dejjem żvelt għalkemm qiegħed f’pittura mal-ħajt fil-għoli, minn Mattia Preti, u restawrat maż-żmien bħall-bqija tas-saqaf. Tarah fuq ix-xellug, fl-ewwel arkata min-naħa tat-titular.

Il-membri tal-Museum tal-Belt u tal-Furjana kellhom id-drawwa li fil-Ħdud tal-festi liturġiċi maġġuri jattendu għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi prinċipali li jsiru f’San Ġwann, u jieħdu magħhom il-membri żgħar u żgħażagħ. Dawn ta’ l-aħħar ma kellhomx entużjażmu għal din l-għamla ta’ festi, imma normalment ma kinux ifallu. F’mixja mill-Furjana għall-Belt, lejn okkażjoni xejn interessanti, wieħed jifimha li konna nkaxkru xi ftit riġlejna sakemm naslu. L-għodwa ma kinitx tawgura għat-tfal: il-Quddiesa kienet tkun twila, b’kant bil-Latin b’ilħna ta’ rġiel biss, għax kienu jkantaw is-seminaristi. Għat-tfal il-funzjoni donnha li ma kienet se tispiċċa qatt. Iċ-ċerimonji tal-monsinjuri, purċissjoni ta’ serbut twil, l-inċens bil-pawsa, ukoll kienu jikkontribwixxu għan-nuqqas ta’ stennija bil-ħerqa ta’ dawn il-festi.

Għalhekk li l-kelb tas-saqaf rajtu għal ħafna u ħafna sigħat, u l-lum, kull meta mmur il-katidral, nagħtih titwila u narah għadu fl-istess tarġa, tiela lejn l-Għammiedi fil-pittura. Imma issa ma nirraġunax l-istess! Jiġuni tifkiriet sbieh li jistidnuni nrodd ħajr lil dawk l-irġiel li kienu jeħduna San Ġwann, u ngħid talba għal dawk fostħom li lill-qaddis qed jarawħ fil-ġenna. Kienu huma li nisslu fija mħabba lejn dak li hu tassew sabiħ. Il-pittura tas-saqaf m’għadnix naraha qisha film biex ninsa d-dwejjaq ta’ ċerimonja twila. Illum, il-persuni li kienu jeħduna l-Belt inħossħom ħdejja. Kbirt magħhom, mal-lealta’ tagħhom, mal-entużjażmu tagħhom  mal-imħabba tagħhom lejn il-Knisja. Dawn iċ-ċerimonji, li lilhom ma jidhrux li kienu jdejquhom, kienu biss sinjal tar-rabta tagħhom ma’ dak li hu sagru.

Illum ngħid li ma kienx biss sagru, imma wkoll il-kultura sagra. Il-katidral ta San Ġwann jiġbor fih kultura ta’ Knisja li tul is-sekli iċċelebrat is-sabiħ fil-liturġija tagħha u ħabbritu b’mod li jibqa’ għal ġenerazzjoni wara l-oħra, fl-iskultura u fil-pittura bħal ma hu l-każ ta’ San Ġwann. Mhux ta’ b’xejn li meta jidħlu fil-katidral u jagħtu l-ewwel daqqa t’għajn madwarhom, l-aktar kif jerfgħu rashom ‘il fuq lejn is-saqaf grandjuż, dawk li jżuru San Ġwann għall-ewwel darba, jesprimu l-istagħġib tagħhom quddiem sbuħija ħekk rari. Min għandu ċertu gosti, jidħol f’iktar dettalji.

Taf li hekk kienu jagħmlu l-membri tal-Museum li kienu jeħduna l-Belt? Kienu jispjegawlna l-pitturi u  jgħadduna minn tapizzerija fjamminga għal oħra, li f’dak iż-żmien kienu jdendlu bejn l-arkati fil-festi l-kbar. Min jaf kemm-il darba wieħed minnhomi kien jeħodna ħdejn il-monument favorit tiegħu, f’kappellun fin-naħa tal-lemin tal-Knisja, fl-auberge ta’ l-Ispanjoli. Ħemm żewġ Torok, b’idejhom marbutin wara. Kien jinnutalna li jidhru l-vini f’dirgħajn it-Tork tan-nokkli.

  • It-tifkiriet li jġibli l-kelb fil-pittura tal-katidral iġiegħluni nirrifletti. Hi ħasra li għal ħafna, l-arti sagra mhix ħobż għal snienħom u għalhekk jgħixu ħajja ta’ medjokrita’ kulturali.
  • Mhemmx għalfejn tkun artist jew li tkun taqra l-kotba dwar l-arti biex tiggosta l-wirt li ħallew ta’ qabilna. Biżżejjed dispożizzjoni li tgħinek tapprezza dak li maż-żmien ħareġ mill-ħsieb u minn idejn nies ta’ ħiliet mhux komuni. Trid tkun konvint li l-arti sagra hi element importanti fir-reliġjon nisranija. Dan il-mezz ta’ komunikazzjoni qatt ma tilef l-aspett edukattiv tiegħu.
  • Tajjeb li titħallat ma’ nies li jħobbu l-kultura u li kull diskussjoni magħhom tħallik b’togħma tajba. Min-naħa l-oħra, hu l-arti sagra bħala djalogu bejnek u bejnha; ara pittura, skultura, eċċ u waqt li qed tikkunsidraha aħseb x’qed iwassallek biha l-Mulej.
  • Ma niskantawx li hawn Maltin li qatt ma daħlu f’San Ġwann. Jafu biss il-knisja tar-raħal u dak kollu li jsebbaħha. Lil dawk ta’ madwarna ngħidulħom b’arti ta’ knejjes oħra, u nħajruħom (la qed insemmu lil San Ġwann) biex meta jinzertaw il-Belt jgħaddu sal-katidral u jduruh bl-attenzjoni.
  • L-arti sagra għandha storja twila, li mxiet maż-żmien. L-istil hu l-prodott tal-istorja li jkun għaddej minnha l-pajjiż kif ukoll tal-karatteristika tal-pitturi, l-iskulturi, li jkunu ħolqu l-opra ta l-arti. Ħuwa fatt li hemm pitturi klassiċi, bi xbihat li jifhimhom kulħadd, u ħemm pitturi moderni, li xogħolhom trid tifhimhom il-qalb. Irridu nrabbu fina kultura li nagħmlu distinzjoni, u hekk napprezzaw kemm dak li jolqotna direttament u kemm dak li nsofru biex naċċettawh.

Il-kelb tal-pittura fetaħli tieqa f’ħajti ħekk li ftakart f’dawk li kienu ta’ ġid għalija fi tfuliti u għalhekk għaddejt dawn is-suġġerimenti lejn rikonoxximent għall-arti sagra. Anke llum, tibqagħli t-tentazzjoni li nħares lejħ iktar milli nsegwi l-funzjoni li tkun għaddejja fil-katidral!

Categories: Ġenerali

L-Evanġelizzazzjoni Ġdida! … Kif?

September 4, 2011 8 comments

L-Evanġelizzazzjoni Ġdida!… Kif ?
Kwalitajiet u Karatteristiċi  tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida.
Joe Farrugia

Wara l-artiklu ara wkoll il-kummenti u suġġerimenti aktar ‘l isfel, fosthom dawk ta’ saċerdot li għamel 40 sena fil-Brażil …↴

Sa mill-bidu tal-pontifikat tiegħu, il-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II, saħaq fuq il-bżonn ta’ Evanġelizzazzjoni Ġdida, iżda kien fl-enċiklika tiegħu Redemptoris Missio (RM) li fiha huwa mhux biss spjega x’inhija din l-evanġelizzazzjoni iżda wkoll daħal f’dettal dwar x’għandhom ikunu l-kwalitajiet tagħha. Id-dokument kien pubblikat fis-7 ta’ Diċembru 1990, propju għeluq il-25 sena mid-digriet tal-Konċilju Vatikan II, Ad Gentes. Fih il-Papa juri kif id-differenzi fil-ħidma tal-missjoni waħdanija tal-Knisja, ma jiġux mill-missjoni nfisha, imma miċ-ċirkostanzi li fiha trid isseħħ.

L-ewwel tip ta’ ħidma missjunarja tal-Knisja hi dik li ssir ma’ popli jew gruppi li ma jafux bi Kristu. Hemm imbagħad dik il-ħidma pastorali li ssir ma’ komunitajiet insara fejn il-fidi hija waħda ħajja, fejn l-insara jagħtu xhieda tal-evanġelju f’pajjiżhom u jħossu li huma fid-dmir li jagħtu sehemhom fil-missjoni universali tal-Knisja.  It-tielet ħidma ssir ma’ dawk in-nazzjonijiet fejn gruppi sħaħ ta’ nsara tilfu s-sens ħaj tal-fidi, forsi wkoll iqisu ruħhom li m’għadhomx membri tal-Knisja, jew qegħdin jgħixu ħajja ‘l bogħod minn Kristu u mill-evanġelju tiegħu. F’dan il-każ hi meħtieġa “evanġelizzazzjoni ġdida”, biex dawn il-komunitajiet jerġgħu jiġu evanġelizzati. (RM 33)

Minkejja li kienet pubblikata 21 sena ilu, madankollu din l-enċiklika forsi saret aktar attwali llum minn meta nkitbet. F’pajjiżna qiegħed dejjem jikber u jinħass aktar il-bżonn ta’ ħidma pastorali serja li tindirizza b’mod ġdid il-ħtiġijiet ta’ kultura, tradizzjonalment nisranija, imma li tant hija ‘l bogħod milli tifhem u tħaddan bis-serjetà l-messaġġ tal-evanġelju. U dan minkejja li certi attivitajiet jew ċelebrazzjonijiet, hekk immsejħa “reliġjużi” bħal donnhom kibru u żdiedu.
Għalhekk biex din l-evanġelizzazzjoni ġdida titwettaq sewwa u b’mod li tħalli l-frott, ikun tajjeb li niflu sewwa dawk il-kwalitajiet, li skont l-istess Papa Ġwanni Pawlu II, hija għandu jkollha.

Kristoċentrika.
L-evanġelizzazzjoni ġdida trid qabel xejn tkun iċċentrata kompletament fuq il-persuna ta’ Ġesù Kristu. Il-Knisja mhux biss trid ixxandar il-kelma ta’ Alla, mwassla lilha mill-Imgħallem tagħha, iżda trid qabel xejn twassal lilu stess għaliex kif naqraw fl-istess prologu tal-evanġelju skont San Ġwann, Kristu nnifsu huwa l-Kelma nfisha.

Fir-Redemptoris Missio, il-Papa Ġwanni Pawlu II juri li l-Knisja, sa mill-ewwel predikazzjoni tagħha wasslet lil Ġesù bħala l-uniku Feddej tal-bniedem. Huwa jinsisti li min jipprova jifred il-kelma mill-persuna ta’ Ġesù Kristu jkun qed imur kontra l-istess fidi nisranija (RM 5 u 6)

Illum huwa mportanti ħafna li kontinwament infakkru dwar il-ħtieġa ta’ evanġelizzazzjoni Kristoċentrika għaliex huwa faċli ħafna li naqgħu għat-tentazzjoni li nwasslu evanġelju mingħajr Kristu. Mhux darba jew tnejn nisemgħu priedki sħaħ u korsijiet ta’ eżerċizzi, suppost spiritwali, fejn nippruvaw inwasslu valuri f’kuntest purament soċjali, iżda li fih donnu Kristu ma għandu ebda post. Inkella nistgħu nitfgħu l-attenzjoni tagħna aktar fuq dawk is-sinjali tal-Knisja, li jidħru minn barra, milli fuq Kristu, li dawn is-sinjali suppost jkunu kollha jippuntaw lejH.

Korresponsabiltà.
L-evanġelizzazzjoni ġdida hija r-responsabiltà tal-poplu ta’ Alla kollu. Din saħaq dwarha il-Konċilju Vatikan II, l-aktar fid-dokument Lumen Gentium, iżda minnkejja li għaddew kważi ħamsin sena, bosta nsara għadhom iħossu lilhom infushom esklużi jew eżentati minn dan id-dmir li huwa mogħti lil kull persuna dakinhar tal-magħmudija.

Ħasra li llum bosta għadhom jaħsbu li dmirhom fil-Knisja huwa biss li joqgħodu bilqegħda u fedelment jirċievu dak li huwa mgħoddi lilhom mis-saċerdoti. Jaħsbu li fil-Knisja huma biss il-ftit li xogħolhom huwa biex jagħtu u jamministraw, waqt li l-maġġoranza, qegħdin hemm biss biex jirċievu.  Mill-banda l-oħra, anke fost l-istess lajċi mpenjati fil-ħidma tal-Knisja, għad hemm bosta li jħarsu lejn din il-ħidma tagħhom bħala għajnuna f’xogħol li huwa tas-saċerdot u għalhekk huma qegħdin biex jgħinu minnħabba n-nuqqas ta’ saċerdoti.

Tul l-eżortazzjoni appostolika, Christifideles Laici, il-Papa Ġwanni Pawlu II jinsisti dwar ir-responsabiltà tal-lajċi fil-ħidma tal-Knisja. Imma wkoll fir-Redemptoris Missio huwa jsemmi r-responsabbiltà tal-lajċi f’din il-missjoni, li hija mpenn tal-poplu t’Alla kollu. Huwa jikteb dwar dawk il-lajċi li jsiru evanġelizzaturi, l-aktar bħala katekisti, imma jinsisti li biex jgħixu aħjar il-fidi tagħhom, huma l-insara lajċi kollha li għandhom joffru xi ftit mill-ħin tagħhom lill-Knisja. (RM 71-74)

Kulturali.
L-enċiklika Redemptoris Missio titkellem dwar dak li ssejjaħlu l-inkarnazzjoni tal-evanġelju fil-kulturi tal-popli. Dan ifisser li l-evanġelizzazzjoni ma tridx tkun biss immirata lejn individwi iżda lejn kulturi sħaħ. (RM 52)

Dan ma jgħoddx biss għal dawk il-popli li qatt ma ħaddnu l-evanġelju, iżda wkoll għal dawk li għalkemm huma tradizzjonalment insara, madankollu, bl-influwenza tal-sekulariżmu, anke l-istess drawwiet insara tagħhom, illum ġew paganizzati. Fejn seħħ dan, jew qiegħed iseħħ issa, huwa dmir ta’ dawk l-insara li għadhom iħaddnu t-twemmin tagħhom b’kunvinzjoni, li bil-kelma u bl-eżempju tal-ħajja tagħhom jinfluwenzaw il-kulturi ta’ madwarhom biex fihom jinkarna mill-ġdid l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Katekeżi.
Barra minn hekk irridu nifhmu li l-evangelizzazzjoni ġdida ma tinkludix biss it-tħabbir mill-ġdid tal-kelma, iżda hija proċess sħiħ ta’ kristjanizzazzjoni u għalhekk trid tkun imsieħba minn katekeżi kontinwa. Jgħidilna Ġwanni Pawlu II li t-tħabbira tal-evanġelju, biex tkun sħiħa, irid ikollha wkoll katekeżi ekklesjali u sagramentali. (RM 23)

Sfortunatament, f’pajjiżna din il-katekeżi hija spiss limitata għall-klassijiet tad-duttrina li jattendu t-tfal qabel jersqu għall-ewwel tqarbina jew għall-konfirmazzjoni. Xi għaqdiet reliġjużi joffru wkoll katekeżi limitata għall-membri tagħhom u f’ċerti każi din hija miftuħa wkoll għal oħrajn li m’humiex. Iżda l-obbligu ta’ programm tajjeb ta’ katekeżi huwa tal-parroċċa. U dan irid ikun maħsub biex jilħaq lil kulħadd, mit-tfal sal-anzjani. Naħseb li llum fil-parroċċi kollha ssib il-Kummissjoni Kateketika, iżda ma naħsibx li nkun żbaljat jekk ngħid li bosta minn dawn il-kummissjonijiet jipprovdu biss għall-klassijiet tad-duttrina tat-tfal.

Kontemplazzjoni.
Min-naħa tagħhom, dawk li jridu jwettqu fedelment din il-missjoni, għandhom jaħsbu fuq id-dmir li għandhom li jkollhom dik il-qdusija li jitlob minnhom id-don ta’ din il-vokazzjoni. Huma jridu kuljum jiġġeddu fl-ispirtu u jaġgornaw il-formazzjoni dottrinali u pastorali tagħhom. Huwa u jaqdi l-ħidma tiegħu, in-nisrani jeħtieġlu jkun bniedem kontemplattiv. Irid isib it-tweġiba għall-problemi tiegħu fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla u fit-talb, kemm personali u kif ukoll komunitarju. (RM 91)

Kuraġġ.
F’intervista li ta f’Diċembru tal-2010, l-Isqof Rino Fisichella, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Evangelizzazzjoni Ġdida, qal li l-evanġelizzazzjoni ġdida ma ssirx għaliex qed ngħixu fi żminijiet ta’ kriżi.

Madankollu nafu li meta soċjetà tradizjonalment nisranija bħal tagħna tkun sekularizzata u tgħaddi minn esperjenza bħal ta’ eklissi ta’ Alla, allura għan-nisrani dan jista’ jkun ta’ skoraġġiment kbir.  Il-Papa Ġwanni Pawlu II kiteb fir-Redemptoris Missio, illi jekk nagħtu ħarsa lid-dinja tal-lum, naraw ħafna fatturi negattivi, li jistgħu jwasslu għall-pessimiżmu. Iżda dan hu bla sens għaliex aħna nemmnu f’Alla, il-Missier u Sidna, u fit-tjieba u l-ħniena tiegħu. Imbagħad f’nota qawwija ta’ ottimiżmu jkompli li llum Alla qiegħed iħejji rebbiegħa nisranija tassew tal-għaġeb, li tagħha ġa qegħdin naraw is-sebħ. (RM 86)

Fi ftit ġimgħat oħra fil-parroċċi Maltin jibdew isiru l-Assembleji Parrokkjali annwali. F’dawn il-jiem ukoll, kemm fid-djoċesi kif ukoll f’kull parroċċa suppost qiegħed jitħejja l-pjan pastorali li fuqu trid titfassal il-ħidma pastorali ta’ pajjiżna matul it-tliet snin li ġejjien. F’dan kollu, jista’ jkollna t-tentazzjoni kbira li nżommu l-istatus quo u nibqgħu għaddejjin bil-programm li dejjem imxejna fuqu tul l-aħħar għexieren ta’ snin.

L-alternattiva titlob minna impenn kbir u determinazzjoni sħiħa biex ilkoll flimkien inwieġbu għal din is-sejħa li qed tagħmlilna l-Knisja. Imma hija waħda li fi kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II, (RM 91) twassal għas-sebħ ta’ żmien missjunarju ġdid, jum li għad ikun jiddi kollu frott. Qatt daqs illum ma kellha l-Knisja opportunitajiet u okkażjonijiet li twassal l-evanġelju lill-bnedmin u lill-popli. Basta aħna lkoll inwieġbu b’ġenerożita u qdusija kbira għall-sfidi u l-appelli ta’ żmienna.

Tista’ ssib l-Enċiklika Redemtoris Missio bil-Malti billi tikklikkja hawn… »

Aktar dokumenti u tagħrif dwar l-Evanġelizzazzjoni Ġdida. …»

Categories: Evanġelizzazzjoni